Lokali

Filmat: Alfred Sant jemmen li l-kampanja li mexxa kontra s-sħubija fl-UE ma kinitx negattiva, anzi pożittiva

Skont Alfred Sant, li mexxa l-kampanja kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, dik il-kampanja elettorali ma kinitx waħda negattiva, iżda kienet waħda pożittiva. L-eks Prim Ministru Laburista, li llum hu kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal dan waqt il-programm “Frux” fuq Xejk Television.

Hu qal li dik kienet kampanja li wriet li għalkemm l-Ewropa u l-UE kienu żvilupp importanti, li tidħol membru sħiħ fl-UE kien ifisser li trid taċċetta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Sant sostna li l-kampanja kienet waħda pożittiva għax, skont hu, kienet temmen fil-ħila ta’ Malta li tiżviluppa relazzjoni mal-Ewropa bbażata fuq linji li jgħoddu għalina. L-eks Mexxej Laburista qal li bil-kampanja li kien mexxa hu, ma kienx ifisser li kien kontra l-Ewropa.

Sadanittant, minkejja li s’issa għadu biss kandidat għall-Parlament Ewropew, Alfred Sant diġà qed jaqla’ kritika qawwija mill-politiċi Ewropej. Fil-blog tiegħu fuq is-sit elettroniku tal-aħbarijiet tal-GWU, Sant tella’ kummenti bit-titlu “Feel Good”. Iżda fil-pront, il-Mexxej tal-UK Independence Party Nigel Farage qallu li se jkun qed jikkontesta din l-elezzjoni biss għax irid job u għax iħares biss lejn il-kariga ta’ MEP bħala mpjieg biex idaħħal il-flus.

Farage, li jmexxi lill-ewro-xettiċi Ngliżi, attakka l-fatt ukoll li Alfred Sant ħiereġ mal-Partit Laburista. Kiteb li minħabba f’hekk, lanqas biss tgħaddilu minn moħħu li jivvutalu. Kien jivvutalu biss li kieku ħareġ bħala kandidat indipendenti, filwaqt li qallu li tilef il-kredibbiltà kollha.