Stastistika oħra tal-Unjoni Ewropea dwar il-produzzjoni mill-industrija madwar l-Ewropa, din id-darba għal Jannar 2014, terġa’ turi li Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis minn fost l-Istati Membri kollha tal-UE. Iċ-ċifri ppubblikati fl-aħħar sigħat mill-Eurostat juru li meta mqabbel ma’ Jannar 2013, il-produzzjoni industrijali fl-Ewropa żdiedet bi 2.1% fiż-Żona Ewro u b’2.4% fit-28 Stat Membru tal-UE.
Madankollu, f’Malta din naqset bi 12%. Kienu biss disgħa l-pajjiżi li rreġistraw tnaqqis, b’Malta tkun l-akbar tnaqqis segwita mil-Latvja bi 11%, il-Litwanja bi 8% u l-Fillandja b’7%. Fost il-pajjiżi li żiedu l-produzzjoni industrijali fuq perjodu ta’ sena, l-akbar żieda kienet reġistrata fil-Lussemburgu bi 13%. L-istess statistika tqabbel ukoll maċ-ċifri ta’ Diċembru 2013, fejn anke f’dan il-każ, Malta kienet fost tmien Stati Membri li kellhom tnaqqis.
Sadanittant, fl-aħħar sigħat ħarġet ukoll statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni. F’dan il-każ, l-NSO jgħid li f’Jannar 2014 kien hemm titjib. Filwaqt li l-importazzjoni żdiedet b’€21 miljun, l-esportazzjoni żdiedet b’€40 miljun. B’hekk, id-differenza bejniethom, dak li jissejjaħ l-iżbilanċ fil-kummerċ internazzjonali tal-pajjiż, kienet ta’ €93 miljun jew titjib ta’ kważi €20 miljun fuq Jannar 2013.
//= $special ?>
