Lokali

L-aħjar soluzzjoni hi li t-tanker tal-gass b'regasification unit isiru barra l-Bajja ta' Marsaxlokk

L-aħjar soluzzjoni dwar il-kwistjoni tat-tanker bil-ħażna tal-gass għall-Power Station li l-Gvern irid jankra fil-Bajja ta’ Marsaxlokk tkun li t-tanker jitpoġġa barra mill-Bajja u li fuqu jkun hemm re-gassification unit ħalli l-gass jitwassal fil-Power Station permezz ta’ pipeline. B’hekk, il-periklu għan-nies ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa, kif ukoll għall-istess Power Station jonqos drastikament, filwaqt li lanqas ikun hemm periklu għall-madwar 9,000 bastiment li kull sena jimmanuvraw fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech u mill-kandidata tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia. Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li saret fid-Dar Ċentrali, Anne Fenech spjegat li r-rapport li sar minn George Papadakis għall-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA), fih nuqqas kardinali minħabba li jeskludi l-possibbiltà li fiż-żona ta’ periklu madwar it-tanker bil-ħażna tal-gass ikun hemm spark li tista’ tikkawża splużjoni. Hi spjegat li f’bajja ristretta fejn isiru madwar 9,000 moviment ta’ vapuri kull sena, faċli jkun hemm ħabta bejn żewġ vapuri, aktar u aktar meta jkun hemm it-tanker bil-ħażna tal-gass u t-tanker li jforni l-gass.

Hi qalet ukoll li nuqqas ieħor serju hu li ma sarx Maritime Impact Assessment dwar l-impatt li jista’ jkun hemm fuq it-tanker tal-ħażna tal-gass f’każ ta’ riħ qawwi mix-xlokk-ilvant u l-manuvrar tal-vapuri fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. Fakkret li meta jkun riħ qawwi mix-xlokk-ilvant, il-vapuri tal-Oil Tanking u tal-Freeport ikollhom bżonn erba’ tugs biex ma jaqtgħux iċ-ċimi.

Anne Fenech irreferiet għall-kritika tal-Prim Ministru Muscat, li skont hu kienet qalet li m’hawnx vapuri li jġorru l-LNG. Hi spjegat li qabel l-elezzjoni kienet qalet li fid-dinja kien hawn biss erba’ vapuri li jieħdu bejn 40,000 u 60,000 metru kubu ta’ LNG minħabba li l-pjani tal-Partit Laburista kienu li jkun hemm żewġ tankijiet fuq l-art li jieħdu 30,000 metru kubu LNG kull wieħed. Iżda issa, dawn il-pjani nbidlu u minflok il-ħażna tal-gass fuq l-art, se jsir fuq tanker fuq il-baħar. Spjegat ukoll li jekk it-tanker bil-gass jitpoġġa barra l-Bajja, veru jkun hemm aktar spejjeż, iżda jkun hemm ħafna anqas periklu għan-nies, għall-Power Station u għall-manuvrar tal-bastimenti. Fakkret li f’Livorno, fejn sar proġett bħal dak ta’ Malta, it-tanker bil-ħażna tal-gass li jinkludi re-gassification unit tpoġġa 20 km ‘l barra mill-kosta.

Min-naħa tagħha, Therese Comodini Cachia rreferiet għal-laqgħa li l-MEPA sejħet għall-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa u li fiha għandu jieħu sehem George Papadakis. Staqsiet għaliex din il-laqgħa se ssir fil-magħluq u għaliex il-pubbliku u l-media mhux mistiedna. Hi qalet li skont rapport fil-media, l-OHSA għandha f’idejha rapporti oħra dwar il-ħażna tal-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, iżda dawn ma kienux ippubblikati. Therese Comodini Cachia qalet li jidher li l-Gvern qed jikkontrolla liema informazzjoni dwar il-ħażna tal-gass tkun ippubblikata u liema le. Dan hu ta’ tħassib għax il-pubbliku għandu jingħata l-informazzjoni sħiħa biex jifforma opinjoni infurmata, sostniet il-kandidata tal-PN.

Hi fakkret li diversi esperti, fosthom Hans Pasman li għandu esperjenza ta’ 40 sena f’dan is-settur, u Roberto Vaccari li hu wieħed mill-esperti li ħejja rapport lill-Enemalta, qalu li hemm riskju li l-ħażna tal-gass titpoġġa fil-Bajja ta’ Marsaxlokk għax f’każ ta’ inċident, il-konsegwenzi jkunu devastanti. Għalhekk, idealment għandu jsir il-pipeline tal-gass u flimkien mal-Interconnector li dalwaqt jitlesta, pajjiżna xorta jkun jista’ jkollu enerġija orħos.