Lokali

Sirjan jeħel sitt xhur ħabs wara li ħarab minn Malta

Sirjan ta’ 23 sena, li flimkien ma’ persuni oħrajn kien jifforma parti minn grupp li kienu nvoluti fit-traġedja ta’ Lampedusa fit-12 ta’ Ottubru li għadda, ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Giovanni Grixti li kien ħarab minn Malta llegalment. Kif il-Qorti qrat is-sentenza, Yones Omar beda jargumenta u jgħajjat li jekk se jintbagħat il-ħabs kien se jagħmel xi ħaġa li Malta kollha se ssir taf biha.

L-Ispettur Jeanne Farrugia ressqet b’arrest lil Omar, mis-Sirja, b’akkużi li meta ġie salvat u nġieb Malta, ħarab,u aktar tard instab l-Olanda. L-Ispettur qalet li dan iż-żagħżugħ kien jifforma parti mill-grupp ta’ persuni nvoluti fit-traġedja tat-12 ta’ Ottubru, li wħud minnhom intbagħtu lejn pajjiżna. Qalet li wħud minn dawn in-nies ma jikkalkulawx il-Liġijiet Maltin u għalhekk ħarbu minn Malta llegalment. Qalet ukoll li f’dan il-każ partikolari, dan is-Sirjan instab l-Olanda u reġa’ ntbagħat lura lejn Malta.

Il-Maġistrat Grixti staqsa lis-Sirjan jekk kienx qed jirrikonoxxi li kiser il-Liġi. Omar wieġeb li kien qed jammetti li kiser il-Liġi, bil-Maġistrat għadda għas-sentenza u kkundannah sitt xhur priġunerija. Kien hawn li ż-żagħżugħ beda jargumenta u jgħolli leħnu. Permezz tal-interpretu kien spjegat li hu qal li jekk imur il-ħabs kien se jagħmel xi ħaġa li Malta kollha tkun taf biha. Għal dan il-kliem, il-Maġistrat Grixti qal lis-Sirjan li kellu d-dritt jappella.

Omar infaqa’ jibki, bl-avukat tal-għajnuna legali Mark Anthony Mifsud Cuatajar talab għal rakkomandazzjoni biex is-Sirjan jidħol fil-Forensic Unit tal-Ħabs minflok fid-diviżjoni ġenerali, xi ħaġa li issa trid tiġi deċiża mid-Direttur tal-Ħabs.