Lokali

Fi ftit ġimgħat, il-Ministru tas-Saħħa qered u ddimotiva lill-infermiera tal-Isptar Boffa

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet stqarrija oħra bi kliem iebes fil-konfront tal-Ministru tas-Saħħa u l-Prim Ministru. Fl-istqarrija l-MUMN ħabbret li mil-lum daħlu fis-seħħ direttivi li tħabbru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet għall-infermieri kollha li jaħdmu fl-Out-Patients tad-Dermatoloġija tal-Isptar Boffa.

L-istqarrija tgħid li fi ftit ġimgħat, il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia kien kapaċi jeqred u jiddimotiva sptar sħiħ b’azzjonijiet mhux ġustifikati. L-MUMN qalet ukoll li l-Prim Ministru għandu jieħu nota ta’ min qed ikun arroganti, qed jinjora l-konsultazzjoni mal-unions u qed idawwar sptar tal-onkoloġija f’wiehed ta’ tilwim industrijali. L-MUMN tat direttivi ta’ azzjonijiet industrijali u ordnat lill-infermieri kollha li jaħdmu fl-Out-Patients tad-Dermatoloġija tal-Isptar Boffa biex jirrapportaw lill-Manager Nursing Services ħalli jitpoggew fil-wards u li mhux se jiġi offrut servizz ta’ nfermieri f’dawn l-Out-Patients.

Ordnat ukoll li l-infermieri jirrifjutaw li jaħdmu fl-Out-Patients tad-Dermatoloġija tal-Isptar Boffa jekk jintalbu jagħmlu dan. Fl-istqarrija, l-MUMN spjegat li dawn id-direttivi qed jiddaħħlu għax il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia ta appetizer tal-funzjoni tal-iStrategic Business Unit fl-Isptar Boffa mingħajr l-ebda konsultazzjoni magħha. Il-union qalet ukoll li l-Ministru kien wiegħed lill-infermieri u l-qwiebel li mhux se jkun hemm tibdiliet meta ssir l-iStrategic Business Unit.

Madankollu, minn wara dahar il-union u b’deċiżjoni tal-konsulenti kliniċi, l-infermieri tal-Out-Patients fid-Dermotoloġija se jitwaqqfu milli joffru s-servizz tagħhom lill-pazjenti fil-Ħdud, minkejja li numru ta’ pazjenti għandom appuntamenti fil-Ħdud. L-MUMN fakkret ukoll li l-infermieri se jitiflu wkoll l-allowance tagħhom ta’ nhar ta’ Ħadd meta dawn se jitmexxew lejn l-isptar il-ġdid tal-onkoloġija. Il-union enfasizat li hi ma ġietx konsultata dwar dawn id-deċiżjonijiet u kkritikat l-immaniġġjar tal-Ministeru tas-Saħħa.

L-MUMN qalet li l-Ministru hu arroganti biżżejjed biex ibiddel ir-rosters tal-infermiera u jċaħħadhom mill-allowance ta’ nhar ta’ Ħadd meta dawn ir-rosters huma suġġett ta’ qbil mal-Management u għalhekk m’għandux il-jedd ibiddel ir-rosters. Sostniet li l-Ministru lanqas biss qed isegwi ir-Regolamenti taċ-Ċivil. Il-union qalet li d-direttivi jiġu rtirati biss jekk il-Ministru jagħti assigurazzjoni bil-miktub lill-infermieri li se jkomplu jagħtu s-servizz tagħhom il-Ħadd u fil-ġranet matul il-ġimgħa.