Lokali

Ir-REMPEC segwiet mill-qrib is-sitwazzjoni tat-tanker Korean li Zeidan hedded li jibbumbardja

Iċ-Ċentru Reġjonali għar-Rispons tat-Tniġġiż Marittimu fil-Mediterran (REMPEC), li hu bbażat f’Malta, kien qed isegwi s-sitwazzjoni tat-tanker taż-żejt Korean mill-qrib wara li fl-aħħar jiem, dak li issa hu l-eks Prim Ministru Libjan Ali Zeidan kien hedded li jibbumbardja t-tanker. Dan kien ikkonfermat mid-Direttur tar-REMPEC Federic Hebert, meta kien ikkuntattjat minn MaltaRightNow.com.

Is-sitwazzjoni bdiet tiżviluppa hekk kif it-tanker “Morning Glory”, li jtajjar il-bandiera tal-Korea ta’ Fuq, ħalla t-terminal ta’ Sidra, li hu kkontrollat minn milizji ribelli mgħobbi bi ftit anqas minn kwart ta’ miljun barmil taż-żejt. Il-Gvern fi Tripli pprova jwaqqaf it-tanker milli jħalli l-ibħra Libjani u Zeidan saħansitra hedded li jibbumbardjah.

Din it-theddida wasslet biex ir-REMPEC f’Malta jibda proċeduri ta’ rispons f’każ li t-theddida ssir realtà. Hebert qal lil MaltaRightNow.com li kienu notifikati ċ-Ċentru għar-Rispons u Koordinament Ewropew u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA). Hebert qal li fuq dan il-każ infetaħ dak li jissejjaħ incident file u għalkemm it-tanker ħarab wara li għadda mill-imblokk Navali tal-Armata Libjana u issa jinsab fl-ibħra nternazzjonali, dan il-file għandu miftuħ.

B’uffiċċji fix-xatt ta’ Lascaris fil-Belt, ir-REMPEC hi aġenzija tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. 11-il pajjiż fil-Mediterran, fosthom Malta, irratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Barcellona, li ssejjaħ għal koperazzjoni f’każ ta’ tniġġiż marittimu fil-Mediterran. Ix-xenarju ta’ tniġġiż ta’ din l-iskala kien ikun wieħed devastanti għall-Mediterran, iżda b’mod partikolari għal Malta.

Minbarra d-diżastru ambjentali li kieku kwart ta’ miljun barmil żejt kienu jispiċċaw fil-baħar, diversi industriji marittimi bħas-sajd u d-diving, fost l-oħrajn, kienu jispiċċaw għal kollox għal numru ta’ snin minħabba t-tniġġiż. Dan l-inċident wassal għal konsegwenzi politiċi, bl-eks Prim Ministru Libjan jaħrab mil-Libja ftit wara li tneħħa b’vot ta’ sfiduċja mill-Parlament proprju minħabba dan il-każ.

Zeidan qatta’ xi ħin f’Malta u l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal li tkellem miegħu sakemm l-ajruplan għamel refuelling, minkejja li mbagħad telaq lejn pajjiż ieħor Ewropew b’ajruplan differenti. Dan minkejja li l-Kunsill Ġenerali Nazzjonali Libjan ħareġ mandat biex Zeidan ma jħallix il-pajjiż qabel ma jwieġeb għal għemilu.