Lokali

L-MŻPN għandu jagħmel lill-PN il-Partit taż-Żgħażagħ – Simon Busuttil

“Involvu ruħkom. Agħtu l-ideat tagħkom biex il-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ iżjed”. Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta lbieraħ filgħaxija kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN) fid-Dar Ċentrali. Simon Busuttil irringrazzja lil Kevin Plumpton li spiċċa minn President tal-MŻPN u lill-Eżekuttiv uxxenti, filwaqt li stieden liż-żgħażagħ biex id-Dar Ċentrali jagħmluha darhom u jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ.

Il-Kap tal-PN irrefera għall-ewwel sena ta’ Gvern Laburista u fakkar kif fi żmien il-kampanja elettorali kien qed jingħad li “it was cool to vote Labour“. Iżda issa, minkejja li dawn il-gimmicks ħadmu, is-sitwazzjoni hi l-oppost, qal Simon Busuttil. Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li hi sfida għall-MŻPN biex din il-mentalità tinbidel u minflok wieħed jara li tkun cool li tkun membru fil-Partit Nazzjonalista għax qed jaħdem biex iġib is-soluzzjonijiet u jsaħħaħ l-aspirazzjonijiet li għandhom iż-żgħażagħ.

Simon Busuttil fakkar li mill-eluf ta’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol, 3,800 huma żgħażagħ u 4,800 bdew jirreġistraw matul l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista. Għaldaqstant, it is not very cool to be Labour, sostna Simon Busuttil. Hu saħaq li meta wieħed ineħħi l-gimmicks kollha, ma jsib ebda sustanza konkreta. Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat ta job lill-ħabiba u sieħba fin-negozju ta’ martu fi New York, filwaqt li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ngħatat impjieg ta’ €13,000 fix-xahar f’Beijing.

Il-Kap tal-PN żied li meta jkollok partit li jaħfer reat ta’ tixħim minn 1,000 persuna, m’hu cool xejn. Hu tkellem ukoll dwar it-tkasbir taċ-Ċittadinanza Maltija fl-aħħar sena. Dwar it-Tanker bil-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, qal li r-residenti ta’ Marsaxlokk u ta’ Birżebbuġa jixirqilhom aħjar u m’għandhomx ikunu ngannati. Simon Busuttil stqarr li l-MŻPN għandu jagħmel lill-PN il-Partit taż-Żgħażagħ u sostna li jinsab lest li jaħdem ma’ dan il-Moviment biex il-PN jagħti futur liż-żgħażagħ. Kollox ma’ kollox, il-PN għandu jaġġorna l-politika tiegħu biex ikun iżjed rilevanti għall-ġejjieni.

Imħabbra l-karigi fl-Eżekuttiv il-ġdid tal-MŻPN

Fi stqarrija, l-MŻPN ħabbar li nħatru l-persuni li se jokkupaw it-tmien karigi fl-Eżekuttiv tal-Moviment u r-rappreżentanti fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. L-Eżekuttiv il-ġdid tal-MŻPN issa se jkun qed jitmexxa minn Matthew Agius bħala President, Matthew Bonett bħala Segretarju Ġenerali u Matthew Spiteri bħala Viċi President.

Karigi oħra se jkunu okkupati minn Christabelle Ebejer bħala Assistent Segretarju Ġenerali, Francesca Zammit bħala Teżorier, Veronica Perici Calascione bħala Assistent Teżorier, Mark Grech bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u James Cassar bħala Segretarju Internazzjonali. Mark Anthony Sammut u Rachel Cassar se jirrappreżentaw lill-MŻPN fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN.

L-istqarrija ttemm billi tirringrazzja lil Kevin Plumpton għall-ħidma tiegħu fl-MŻPN.