Lokali

Editorjal: Dibattitu li wera d-differenza wara sena

Mill-miġja tat-television fis-snin sittin, fl-Amerika speċjalment, bdew id-dibattiti bejn il-mexxejja politiċi fuq it-television, li wħud niżlu fl-istorja. F’Malta, bdew lejlet l-elezzjoni tal-1981 meta Mintoff kien deherlu li se jiġri b’Fenech Adami. Dik l-elezzjoni niżlet fl-istorja għal raġunijiet oħrajn ukoll: is-serqa fil-wiċċ tar-riżultat.

L-ewwel bejn Muscat u Busuttil
Wara dibattiti televiżivi bejn il-mexxejja kollha politiċi li kellna fl-aħħar 33 sena, nhar il-Ġimgħa kien imiss l-ewwel wieħed bejn Joseph Muscat, issa Prim Ministru, u Simon Busuttil, il-Kap relattivament ġdid tal-Oppożizzjoni.

Esperjenzi differenti
Joseph Muscat ġej minn elezzjoni li rebaħ bil-qawwi sena ilu u b’esperjenza twila ta’ diskorsi pubbliċi u fil-media għal dawn l-aħħar 20 sena kemm ilu li fetaħ is-Super One. Simon Busuttil b’esperjenza fil-fora Ewropej fejn id-dibattiti jsiru mod ieħor.

Rapporti li wrew kif mar id-dibattitu
Uħud fil-media indipendenti imma b’aġenda ċara favur il-Labour stennew li Muscat imur l-aħjar mit-tnejn. Imma tinduna kif dan ma seħħx meta fir-rapporti tad-dibattitu ppruvaw jidfnu d-dibattitu bħallikieku ma kien xejn speċjali u li ma ħareġ xejn ġdid.

Busuttil jattakka bil-fatti… Muscat jiddefendi
Għax il-verità rawha huma wkoll. Simon Busuttil sod fl-argumenti dwar il-fatti li seħħew fl-aħħar sena u li ġab lil Muscat jiddefendi għal ħinijiet twal fid-dibattitu. Simon Busuttil, li ħafna nies setgħu jarawh kif inhu – uman u ġenwin – mhux kif ipinġuhulhom uħud fil-media, u Muscat skomdu u irritat, minkejja ċ-ċapċip li kera.

Tal-qalba ta’ Muscat jaħtfu
Dak l-atteġġjament, imma wkoll l-argumenti. Għax mal-fatti ma tistax tilgħab. Gvern ta’ Muscat fejn tal-qalba jaħtfu, ibda mill-Prim Ministru bi ħbiebu u ħbieb martu, u Oppożizzjoni pożittiva u kostruttiva għat-tajjeb, u li dak li hu ħażin tgħidlu ħażin.

Qgħad u barka lill-korruzzjoni
Simon Busuttil fid-dibattitu tkellem fuq dak li qed jolqot lin-nies u lill-pajjiż b’mod kollettiv; il-qgħad li tiela’ kontra x-xejra barra minn Malta, per eżempju, u l-indħil ta’ Muscat biex jaħfer il-korruzzjoni ta’ elf ruħ li jaf min huma u jaf kemm xaħħmu.

Ksuħat tal-każini
Min-naħa l-oħra, Muscat ipprova jevadi, inkella pprova jiddefendi b’tgħajjir u ksuħat qisu qiegħed f’xi każin, flok f’dibattitu serju fejn in-nies iridu jkunu jafu Muscat x’qed jagħmel bil-flus li aħna lkoll inħallsu f’taxxi u li dawk qribu qed jiffangaw fihom.

Il-fatti u l-ġenwinità kontra l-iskumdità minkejja l-folla
U għalhekk, kien dibattitu li wera l-mexxejja kif inhuma, fejn tkellmu huma mhux xi ħadd ieħor dwarhom, dirett mhux kif ipinġihom ħaddieħor, u fejn rajna lil Muscat skomdu minkejja t-taħriġ u ċ-ċapċip bil-folla li ħa, f’kuntrast ma’ Simon Busuttil li wera s-sustanza tal-fatti u ġenwinità.