“Your MEP: The Voice of Civil Society in Europe” kienet it-tema tal-attività organizzata mil-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa dalgħodu u li għaliha kienu mistiedna l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Waqt l-attività, il-kandidati tkellmu dwar il-Parlament Ewropew u s-setturi li l-aktar jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom fihom jekk ikunu eletti bħala Membri Parlamentari Ewropej.
F’isem il-Partit Nazzjonalista, ħadu sehem fl-attività Therese Commodini Cachia, Kevin Cutajar, Francis Zammit Dimech, Jonathan Shaw, Stefano Mallia, Norman Vella, Kevin Plumpton u Helga Ellul. Attendew ukoll sitta mill-kandidati tal-Partit Laburista u l-kandidati tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola u Carmel Cacopardo.
Ir-rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa Grace Attard tkellmet dwar l-importanza tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dwar ix-xogħol li jagħmel il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jaħdem fih il-kandidat tal-PN Stefano Mallia. Tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ ugwaljanza u l-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli.
Is-sena li għaddiet, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa organizza attività simili mal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali.
//= $special ?>
