Il-Qorti Ċivili kellha raġun tiċħad it-talba ta’ mara Marokkina li kienet ikkontestat id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, li permezz tagħha kienet tneħħietilha ċ-Ċittadinanza Maltija wara li ż-żwieġ tagħha kien dikjarat null. Fatiha Khallouf kienet qalet li ċ-Ċittadinanza tagħha kienet ġiet irtirata fit-2 ta’ Mejju 2011 u għaldaqstant spiċċat mingħajr stat għax qabel kienet irrinunzjat iċ-Ċittadinanza Marokkina minħabba li Ċittadinanza doppja ma kinitx possibbli.
Hi qalet ukoll li meta applikat għaċ-Ċittadinanza Maltija kienet miżżewġa legalment f’April 1996 u applikat għaċ-Ċittadinanza f’dak ix-xahar stess. Sussegwentament, kienet ingħatat iċ-Ċittadinanza skont it-termini tal-Liġi. Qalet li hi kienet isseparat mir-raġel tagħha f’Ottubru 1997 u f’Lulju 1998 kellha tifel minn raġel ieħor. Iż-żwieġ tagħha ġie dikjarat null f’Ottubru 2000. Hi argumentat li t-tneħħija taċ-Ċittadinanza kienet tikser id-drittijiet fundamentali tagħha skont il-Liġijiet Maltin u tal-Unjoni Ewropea.
Eventwalment, fl-2001 l-Italja kienet talbet għall-estradizzjoni tal-mara b’rabta ma’ akkużi relatati ma’ assoċjazzjoni ta’ traffikar ta’ immigrant. Bejn l-2003 u l-2004, il-mara skontat sena ħabs wara li nstabet ħatja fil-Qorti ta’ Ragusa. Hekk kif ġiet lura Malta, il-Qorti Maltija sabitha ħatja ta’ traffikar ta’ eroina u ntbagħtet il-ħabs.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin argumenta fil-Qorti li d-deċiżjoni li ċ-Ċittadinanza tal-mara tittieħed saret skont l-Att taċ-Ċittadinanza u wara li Qorti oħra ddikjarat li ż-żwieġ tal-mara kien null u bla effett. Fil-fatt, kien irriżulta li l-unika raġuni għaliex il-mara żżewġet f’Malta kienet biex tkun tista’ taħdem hawn.
Il-Ministeru ċaħad li kien hemm ksur tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem jew tal-Konvenzjoni Ewropea. Il-Qorti tat raġun lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u qalet li ċ-Ċittadinanza kienet ingħatat għal raġunijiet frodulenti.
//= $special ?>
