Lokali

Importanti li kull persuna bi bżonnijiet speċjali tingħata l-opportunitajiet

Hu mportanti li kull persuna bi bżonnijiet speċjali tingħata l-opportunità li tipparteċipa fl-elezzjonijiet bl-aktar mod dinjituż għax dan hu dritt ta’ kulħadd. Tant hu hekk li wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista hu Kevin Cutajar, li għaraf idawwar l-isfidi f’opportunitajiet. Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fi tmiem żjara li għamel lill-Fondazzjoni Inspire f’Bulebel.

Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol Stephen Spiteri, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, kif ukoll mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul u Kevin Cutajar. Hu faħħar lill-Fondazzjoni Inspire għall-ħidma li twettaq kemm mal-persuni b’diżabbiltà u anke mal-ġenituri tagħhom.

Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jingħaqdu biex jappoġġjaw lill-Fondazzjoni u għaqdiet oħra li jgħinu biex persuni b’diżabbiltà jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Tkellem ukoll dwar l-importanza li jitnaqqsu l-isfidi ta’ persuni b’diżabbiltà minn meta jispiċċaw l-edukazzjoni għal meta jibdew jgħixu ta’ adulti.

Matul iż-żjara, spikkat il-laqgħa qasira li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu ma Jordan, tifel ta’ ghaxar snin. Jordan spjega lill-Kap tal-Oppożizzjoni l-esperjenza tiegħu ma’ Gżira United fejn jitgħallem il-futbol. Busuttil faħħar l-opportunità li qed tingħata lil tfal bħal Jordan biex jsaħħu l-abbiltajiet tagħhom.