Lokali

L-eks Ministru Soċjalista Joe Grima ordnat iħallas €5,000 f'danni lil Richard Cachia Caruana għal libel li għamillu

L-eks Ministru Soċjalista u llum l-invjat speċjali tal-Prim Ministru għall-Organizazzjoni Dinija tat-Turiżmu Joe Grima ġie ordnat iħallas €5,000 f'danni lill-eks Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, sabet lil Joe Grima ħati li għadda rimarki libellużi u ta' malafama meta fid-29 u t-30 ta' Awwissu 2012 kiteb fil-Paġna tiegħu fuq Facebook li Cachia Caruana kellu villa fil-Belt u ried ibigħha għas-somma ta' €5 miljuni.

Grima kien kiteb ukoll li Cachia Caruana kien ftaħar li l-villa tiegħu biss setgħet iġġib permess għal swimming pool u li għal nies bħal Cachia Caruana, il-politika hi fattur ta' ħlas għal nies bħalu. Fuq Facebook, Joe Grima kkritika wkoll lil Cachia Caruana għall-kumpens li kien ħa meta ġie aggredit b'sikkina fl-Imdina u dwar is-salarju li kien qed jirċievi. Dwar dak li kiteb, Grima tenna fil-Qorti li kien “fair comment“, għalkemm qatt ma ppreżenta provi.

Fil-kummenti tiegħu, Richard Cachia Caruana ċaħad dak kollu li kiteb fuqu Grima. Sostna li hu m'għandux dar il-Belt, iżda kellu dar l-Imdina. Qal ukoll li din id-dar fl-Imdina, li kienet reklamata fuq magażin ftit tal-jiem qabel ma kiteb Grima fuq Facebook, qatt ma kienet tiegħu.

Il-Qorti kkonfermat li Cachia Caruana ma kellu l-ebda propjetà fil-Belt u li ma kienx qed ibigħ propjetà fl-Imdina. Lanqas kien ippruvat li Cachia Caruana biss kellu l-kapaċità jġib permess għas-swimming pool, hekk kif irriżulta li hemm aktar minn propjetà waħda li għandha s-swimming pool fl-Imdina. Għaldaqstant, il-Qorti sabet il-kummenti ta' Grima mhux korretti u libellużi.

Għal Cachia Caruana deher l-avukat Joseph Zammit Maempel.