Lokali

Malta bit-tieni l-ogħla rata ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-UE

Statistika tal-Unjoni Ewropea tikkonferma l-perjodu ħażin li għaddejja minnu l-ekonomija Maltija, b’daqqa oħra fuq il-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif jirriżulta li fi Frar li għadda Malta rreġistrat it-tieni l-ogħla rata ta’ inflazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Ċifri uffiċjali tal-Eurostat jikkonfermaw li filwaqt li l-inflazzjoni fiz-Zona Ewro u fil-blokk sħiħ tal-UE naqset, f’Malta l-għoli tal-ħajja żdiedet.

Dan ifisser li l-prezzijiet ta’ diversi prodotti fuq l-ixkafef tal-ħwienet żdiedu u l-konsumatur Malti qed ikollu anqas flus fil-but. Ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta fi Frar 2014 kienet ta’ 1.6%, l-istess bħall-Fillandja. Ir-Renju Unit hu l-uniku pajjiż li jinsab f’pożizzjoni agħar minn dik ta’ Malta. L-istatistika tal-Eurostat tgħid li fiz-Zona Ewro kien hemm tnaqqis fl-inflazzjoni matul Frar, hekk kif kien hemm 17-il pajjiż li raw tnaqqis fl-inflazzjoni.

Dwar Malta, l-istess ċifri huma kkonfermati wkoll minn stastistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li wkoll uriet kif fi Frar 2014 il-ħajja għoliet b’1.6%. Skont l-NSO, din iż-żieda f’pajjiżna rriżultat minn żidiet fil-prezzijiet tal-għamara, l-appliances tad-dar u l-manutenzjoni tagħhom, ix-xorb u l-lukandi u ristoranti. Irriżultat ukoll żieda qawwija fil-prezzijiet tas-servizzi ta’ edukazzjoni.