Il-Fakkultà tal-Inġinerija fi ħdan l-Università ta' Malta għadha kif temmet riċerka dwar materjal speċjali, imsejjaħ Composite. Dawn il-materjali huma preżenti f'kull aspett ta' ħajjitna għax jintużaw f'diversi applikazzjonijiet, fosthom karozzi, ajruplani u dgħajjes, mobiles u turbini tar-riħ. Huma wkoll il-materjal li jintuża' biex isiru l-PCBs, li hi l-bażi tal-elettronika.
Ir-riċerka ħadmet biex tidentifika kif jiġu affetwati dawn il-materjali mill-elementi naturali. Tibdil fil-materjal minħabba l-ambjent jista' jwassal biex dan jiddgħajjef u jiddegrada. B'hekk, il-prodott jista' jinkiser jew ma jaħdimx b'mod ottimali. It-tagħrif li nġabar jgħin biex nifhmu dan it-tibdil kif u meta jseħħ u jgħin biex isir żvilupp tal-materjal biex ikun jiflaħ aktar għall-ambjent. L-informazzjoni tgħin ukoll biex isir disinn aħjar ta' prodotti ġodda li qed jiġu żviluppati biex ikollhom l-ammont ta' materjal meħtieġ biex jilqgħu għall-ambjent.
Ġew analizzati erba' materjali, li kienu esposti taħt kundizzjonijiet li jissimulaw ix-xemx, l-umdità u t-tnejn f'daqqa. 12-il aspett tal-materjal ġew analizzati b'apparat speċjalizzat li hemm fil-Fakultà. Ġie studjat it-tibdil fil-materjal u l-informazzjoni u l-esperjenza li nġabret huma l-pedament biex il-materjali jiġu żviluppati aktar. Filwaqt li saret analiżi fost universitajiet internazzjonali, din hi l-ewwel darba li analiżi dettaljata saret fi studju wieħed. Qabel, din il-kwantità ta' nformazzjoni setgħet tinġabar biss minn studji iżolati, iżda mhux bilfors li nħadmu l-istess u għaldaqstant mhux bilfors jaqblu.
B'dan il-mod, din l-analiżi offriet informazzjoni dettaljata u unika lill-industrija biex din tifhem aħjar dan il-materjal. Il-materjal analizzat jintuża' u nħadem bil-metodi Maltin. B'hekk, dan l-istudju jgħin direttament lill-industrija Maltija biex tkun aktar kompetittiva. Fl-istess waqt, l-użu aħjar tal-materjal jgħin biex jiġi mħares aktar l-ambjent għax titnaqqas il-ħela tal-materjal meta prodott ifalli waqt l-użu minħabba deterjorament bl-ambjent.
Ir-riċerka kienet mgħejjuna minn STEPS Scholarship, li parti minnha hi ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u l-European Social Fund (ESF) taħt l-Operational Programme II – Cohesion Policy 2007-2013 “Empowering People for More Jobs and a Better Quality of Life”.
(Ritratti: fuq ix-xellug, il-materjal originali; fuq il-lemin, kemm inkiser aktar wara li ddgħajjef bl-umdità)
//= $special ?>

