Lokali

Aħwa jaħfru lil xulxin fil-Qorti wara ġlieda kbira

Dean Camilleri ta’ 28 sena u ħuh Liam ta’ 21 sena, it-tnejn residenti Pembroke, tpoġġew taħt ordni ta’ probation wara li tressqu b’arrest il-Qorti mixlija li lbieraħ ħebbew għal xulxin. Huma ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom. Wara li l-Ispettur qara l-akkużi, fil-Qorti ż-żewġ aħwa ħafru lil xulxin.

L-Ispettur Daryl Borg, li ressaq lill-aħwa, qal fil-Qorti li kawża tal-ġlieda kbira li qamet bejniethom, iż-żewġ aħwa spiċċaw feruti u ttieħdu l-Isptar Mater Dei. Il-feriti li sofrew kienu ħfief. Il-Prosekutur qal li matul l-investigazzjonijiet, Dean allega li ħuh ipponta biċċa ħadida lejn id-direzzjoni tiegħu. Liam, min-naħa tiegħu, qal li hu ddefenda lilu nnifsu wara li Dean laqtu b’oġġett iebes. Ħareġ ukoll li fil-pussess ta’ Liam instabet balla mhux sparata.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-aħwa ammettew li kkaġunaw feriti ħfief lil xulxin. Liam ammetta wkoll li kellu fil-pussess tiegħu munizzjon mingħajr liċenzja. Wara li rat l-ammissjoni tagħhom, il-Qorti sabet liż-żewġ aħwa ħatja. Liam kien immultat €770, filwaqt li ngħata probation għal perjodu ta’ sentejn. Dean ingħata probation għal sena.

“Il-kwistjonijiet ma jkunux solvuti bil-vjolenza, speċjalment fi ħdan il-familja. Il-problemi għandhom jiġu diskussi bejn il-membri tal-familja”, qalet il-Maġistrat Clarke liż-żewġ aħwa.