Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) esprima d-diżappunt tiegħu dwar l-informazzjoni li ħarġet wara l-Mistoqsijiet Parlamentari li saru mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, id-Deputat Chris Said. Fi stqarrija, l-MNPN qal li jidher b’mod ċar li l-policy mħaddma minn Gvern Nazzjonalista li fuq bordijiet pubbliċi jkun hemm minimu ta’ 40%, spiċċat fix-xejn.
L-anqas ammont ta’ nisa f’bordijiet, jiġifieri 8%, ironikament jinstab fil-Ministeru tal-Viċi Prim Ministru Louis Grech, li hu responsabbli mit-twettiq tal-wegħdiet elettorali. Warajh, hemm 12% biss nisa fil-Ministeru ta’ Konrad Mizzi u 13% fuq bordijiet relatati mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan għax minn madwar 160 persuna li l-Prim Ministru Muscat ħatar fuq bordijiet differenti, madwar 20 biss huma nisa. Fil-parti l-kbira tal-34 bord li jaqgħu direttament taħt l-Uffiċċju tal-Prim Minstru, m’hemmx mara waħda.
Għall-MNPN, dan jikkuntrasta bil-kbir mal-wegħda li bi Gvern Laburista kellu jkollna l-aktar Gvern femminista fl-istorja ta’ pajjiżna. Il-MNPN għamel appell lill-Gvern biex jinduna li hemm ħafna nisa li ħaqqhom ikunu fuq bordijiet pubbliċi minkejja li ma ħadmux fis-Super One, minkejja li mhux qraba jew ħbieb tal-Prim Ministru jew ta’ xi Ministri u minkejja li ma kienux fuq billboards u ma għenux lill-Partit Laburista fil-kampanja elettorali.
//= $special ?>
