Lokali

Deċiżjoni tal-Awtorità għat-Trasport kisret id-drittijiet tas-sidien tal-jottijiet

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, iddikjarat li deċiżjoni li ħadet l-Awtorità għat-Trasport, li tibdel kuntratt permanenti għal wieħed ta’ sena fil-konfront ta’ diversi sidien tal-jottijiet li jorbtu l-jottijiet tagħhom fil-Marina ta’ Ta’ Xbiex, tikser id-drittijiet fundamentali ta’ dawn is-sidien.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ordnat lill-Awtorità biex tirrikonoxxi, tirrispetta u twettaq mill-ġdid id-drittijiet li kellhom is-sidien billi b’mod prattiku u raġjonevoli tagħtihom lura d-dritt għall-irmiġġ fil-Yacht Marina b’mod permanenti u indefinit. Dan bil-kundizzjoni li s-sidien jibqgħu jħallsu miżata lill-Awtorità, bl-Awtorità tingħata d-dritt taġġornaha b’mod raġjonevoli minn żmien għal żmien.

Il-kawża ġiet ippreżentata minn 19-il sid ta’ jott kontra l-Avukat Ġenerali, l-Awtorità għat-Trasport u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Komunikazzjoni. Il-Kawża Kostituzzjonali saret wara li fit-30 ta’ Marzu 2011 l-Awtorità bagħtet ittra lil għadd ta’ sidien ta’ jottijiet li jorbtu Ta’ Xbiex. Fl-ittra, huma ġew infurmati li l-kundizzjonijiet tagħhom kienu qed jinbidlu b’effett immedjat u li issa kellhom kuntratt ta’ sena, minflok wieħed permanenti, u miżata ferm ogħla minn qabel. Is-sidien ħassew li b’dan il-mod, id-drittijiet tagħhom kienu qed jinkisru u għalhekk talbu lill-avukati David Camilleri u Joseph Gatt biex jiftħu kawża f’isimhom.

Il-Qorti qalet li hi tal-fehma li ladarba s-sidien kienu ilhom is-snin igawdu mill-użu tal-irmiġġ, kienu ilhom snin twal iħallsu l-miżata regolarment u fl-irċevuti li kienet tagħtihom l-Awtorità kienet tiddikjara li l-kuntratt li kellha magħhom kien permanenti, huma kellhom dritt li kien jimmerita ħarsien. Il-fatt li l-Awtorità bidlet il-policies tagħha, dak setgħet tagħmlu bla ma twarrab fil-ġenb, tiskarta jew tinjora għal kollox id-drittijiet li s-sidien diġà kellhom fil-konfront tagħha.