Lokali

Din l-Art Ħelwa tgħid li l-Bord tal-MEPA m'għandux jagħti l-permess għall-proġett tat-tanker fil-bajja ta' Marsaxlokk

Il-Bord tal-MEPA m’għandux jagħti l-permess tiegħu għall-proġett tat-tanker tal-gass ankrat fil-Bajja ta’ Marsaxlokk qabel ma jkunu saru l-istudji kollha u dawn ikunu ġew ippubblikati. Fi stqarrija, l-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa staqsiet lill-Gvern għalfejn għadu ma ppubblikax ir-rapport tal-analiżi tar-riskju dwar dan il-proġett. L-NGO qalet li hi talbet ir-rapport ta’ Umberto Maffezzoli, li kien ikkummissjonat mill-OHSA u li tlesta f’Diċembru 2013, iżda dan għadu ma kienx ippubblikat.

Din l-Art Ħelwa qalet li hu inaċċettabbli li d-dokumenti li jiffokaw fuq is-sigurtà tal-post fejn se jitqiegħed it-tanker għadhom mhux ippubblikati, ftit jiem biss qabel ma l-Bord tal-MEPA jiltaqa’ biex jiddeċiedi dwar dan il-każ. Din l-Art Ħelwa saħqet li l-Bord tal-MEPA m’għandux jiltaqa’ biex jieħu deċiżjoni dwar il-proġett meta uħud mill-istudji tal-analiżi tar-riskju għadhom mhux lesti.

Din l-Art Ħelwa ssuġġeriet ukoll li l-Bord tal-MEPA għandu jieħu deċiżjoni dwar il-permessi ambjentali u tal-ippjanar fl-istess ħin. L-NGO meriet ukoll dak li qal il-Prim Ministru li dan il-proġett mhux se jaffettwa l-vapuri li jkunu deħlin il-Freeport. Wara d-dikjarazzjonijiet tal-operaturi l-ġodda li t-tankers tal-LNG jidħlu u joħorġu mill-port ta’ Tokyo mingħajr ebda diffikultà, Din l-Art Ħelwa fakkret li l-port ta’ Tokyo m’għandux faċilità ta’ ħażna tal-gass fuq vapur antik kif propost f’Marsaxlokk. Dan minbarra l-fatt li l-port ta’ Tokyo hu ħafna akbar minn dak ta’ Malta.

Fl-aħħarnett, Din l-Art Ħelwa appellat lill-awtoritajiet biex jikkonkludu u jippubblikaw l-istudji kollha, kif obbligati jagħmlu skont il-konvenzjoni Aarhus, li tirregola l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali.