Il-Malti għandu ħabta jissellef kliem minn lingwi barranin u jagħtihom tifsira ġdida. Ħu l-kelma shark. Għandna l-kelma kelb il-baħar bil-Malti, imma meta ngħidu shark ma nkunux qed nirreferu biss għal ħuta kbira u feroċi, imma wkoll għal xi bniedem.
Muscat jiddefendi lil dawk li qed jixxarkjaw…
Fid-dibattitu ta’ Xarabank, il-Prim Ministru Muscat iddefenda bi dgħufija kbira l-akkuża tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar in-nies madwar Muscat li qed jaħtfu kemm jifilħu, jixxarkjaw, karigi, ħlasijiet u perkaċċi minn flus il-poplu.
… u lil dawk li xaħħmu biex serqu 100 miljun
U kien dgħajjef ukoll Muscat jiddefendi l-maħfra li ta lill-elf ruħ li xaħħmu ħaddiema tal-EneMalta biex dawn l-elf għamlu l-akbar serqa li qatt saret f’Malta – 100 miljun ewro skont il-kalkolu ta’ Muscat stess – 30 miljun ewro fis-sena għal numru ta’ snin.
Tolleranza ta’ 100 fil-mija għall-korruzzjoni
Muscat lil dawn l-elf ħafrilhom ir-reat tal-korruzzjoni, meta l-liġijiet fuq il-korruzzjoni f’Malta ċari u, jekk xejn, Muscat ilu s-snin iħambaq li jħarraxhom.
Jaħfer lil ħut kbir ħafna
Il-Prim Ministru għandu ħabta jaqbad mantra – ftit kliem ripetuti – biex taparsi qed iwieġeb. Għax irid jaqbad il-ħuta l-kbira, qed jgħid. U min seraq 100 miljun ewro x’inhu? Ħuta kbira ħafna; xaħħam, akkwista meter għajjien, u seraq miljuni f’dawl.
Muscat jaħfer u jaħbi l-korruzzjoni
X’inhu dan l-interess kollu tal-Prim Ministru li jaħfer u jaħbi l-korruzzjoni ta’ dawn l-elf ruħ li l-konsegwenza tagħha kienet l-akbar serqa fl-istorja ta’ Malta? U hemm id-dgħufija evidenti ta’ Muscat, għax in-nies jafu jgħoddu sal-għaxra, u aktar.
Feeding frenzy
Kulħadd jaf li Muscat qed imexxi gvern li ddeġenera f’feeding frenzy ta’ nies tal-qalba jaħtfu l-flus li nħallsu f’taxxi. Feeding frenzy: meta shark jaħtaf ħlejqa u x-sharks l-oħrajn fil-qrib ixommu d-demm u jiġru malajr bħal jogħxew iqattgħuha.
Muscat jaf min huma dawk li xaħħmu
U issa għandna lil dawn l-elf li għoxew ixaħħmu u jisirqu d-dawl. Li Muscat qed jgħid li jqishom bħala ħut żgħir, ‘k jogħġbok. Imma li nafu li huma ħut kbir li serqu mitt miljun. U li Muscat qal f’attività politika tal-partit tiegħu li jaf min huma.
Għaliex qed jaħbi min huma?
Għandna dritt inkunu nafu min huma. Diġà Muscat qed jipprova jaħbi n-nies ta’ madwaru u kemm qed jixxarkjaw minn flus il-poplu fil-karigi li qed jagħtihom hu stess. Issa Muscat qed jipprova jaħbi wkoll ix-sharks li xaħħmu biex serqu.
Proprju għax jaf min huma?
Kemm qed jaħsibna mzazen li ma nirrealizzawx li taħt wiċċ l-ilma mhux vopi hemm imma dawk li serqu mitt miljun b’tixħim? U qed jipprova jaħbihom minkejja li ma jafx min huma, jew għax jaf min huma?


