Lokali

“Ieqaf, aħseb, twebbisx rasek u isma' min-nies” – il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieqaf, jaħseb, ma jwebbisx rasu u jisma’ min-nies fid-deċiżjoni li qed jagħmel li jankra t-tanker b’ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk biex jibni Power Station oħra f’Delimara.

Meta tkellem fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-impatt ambjentali u fuq il-ħajja tan-nies u r-residenti f’Marsaxlokk u Birżebbuġa, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil appella lill-Gvern biex qabel ma t-Tnejn tittieħed deċiżjoni dwar il-proġett tal-Gvern li se jinkludi l-ħażna tal-gass fuq tanker ankrat f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk u fil-port minflok barra l-port, biex jisma’ mit-tħassib tan-nies u jagħti kas in-nies minflok ma jibqa’ jirrombla minn fuq in-nies.

L-Oppożizzjoni se tkun qed tkompli taħdem biex twassal lill-Gvern jibdel id-deċiżjoni anke fuq it-tanker fil-Bajja ta’ Marsaxlokk kif irnexxielha tagħmel fid-deċiżjoni li kien ħa l-Gvern dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza. Flimkien ma’ oħrajn, l-Oppożizzjoni qed tagħti leħen lill-poplu li jinsab imħasseb. Il-Kap tal-PN qal li kien jistenna li d-Deputati Laburisti eletti mill-ħames distrett isemmgħu t-tħassib tal-eletturi li tawhom il-fiduċja. Kienet id-Deputata Laburista Marlene Farrugia biss li tkellmet dwar il-mod kif qed iħossuhom ir-residenti fl-inħawi.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ ssemma’ leħen il-poplu. Se tibqa’ tkun il-vuċi tar-residenti u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jsejjaħ rally l-Ħadd li ġej fil-Pjazza ta’ Marsaxlokk b’turija ta’ appoġġ għan-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Anke t-Tnejn, l-Oppożizzjoni se twassal quddiem il-Bord tal-MEPA t-tħassib tal-poplu u tar-residenti fl-inħawi li huma nkwetati u mħassba.

Filwaqt li appella mill-ġdid lill-Gvern biex jisma’ lin-nies u ma jirrumblax fuq in-nies, Simon Busuttil spjega li l-Gvern għandu mandat li jraħħas il-kontijiet tad-dawl, li jibni Power Station tal-gass u li jbiddel l-impjant li jaħdem biż-żejt għal wieħed li jaħdem bil-gass. Dak li m’hemmx qbil dwaru u li l-Oppożizzjoni se tibqa’ ssemma leħinha dwaru hu l-ħażna tal-gass fuq bastiment fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. Din hi d-deċiżjoni li se tittieħed it-Tnejn fil-MEPA. Hu dan li qed iħasseb lill-poplu, tant li hemm 91% tal-popolazzjoni fl-inħawi li qalu li jixtiequ li l-ħażna tinżamm ‘il barra mill-port.

Simon Busuttil staqsa x’effett jista’ jkollu dan it-tanker tal-gass fuq il-ħajja fl-inħawi. Hu tajjeb li l-Gvern jagħti tweġiba, jisma’ qabel jieħu deċiżjoni mhux jagħmel bil-maqlub. Simon Busuttil qal li qed tkun l-Oppożizzjoni li ssemma’ leħen il-poplu li hu mħasseb. Il-ġustifikazzjoni li ġab il-Gvern hi li jekk isir barra l-port, il-proġett jiġi jiswa aktar u jdum aktar. Issa qed ibiddel xi ftit ir-raġuni u jgħid li barra l-port hemm aktar riskji. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jaqbel mad-Deputat Laburista Marlene Farrugia, li kien jaqbel akar kieku kien hemm okkażjoni fejn jinstemgħu l-esperti.

Simon Busuttil qal li l-espert Hans Pasman tkellem dwar il-periklu li jista’ jkun hemm jekk aċċidentalment toħroġ sħaba ta’ gass. Hemm riskju li dawk li jinqabdu f’din is-sħaba tal-gass imutu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hemm diversi rapporti li ma ġewx ippubblikati, jew rapporti preliminari. Ir-rapport ta’ Papadakis li qed jikkwota l-Gvern jgħid li m’hemmx periklu sakemm ma jkunx hemm fjamma. Għall-Oppożizzjoni u għall-poplu, dawn il-konklużjonijiet mhumiex biżżejjed. Għad jonqos ukoll studju marittimu li għadu ma sarx minkejja li l-port ta’ Marsaxlokk hu wieħed żgħir.

Simon Busuttil qal li jistenna li d-deċiżjoni tittieħed wara li jkunu saru r-rapporti kollha, inkluż rapporti li janalizzaw l-alternattivi. Lanqas m’għandha tkun eskluża l-esperjenza ta’ ħaddieħor. Ma jistgħux ikunu njorati l-esperti ta’ Livorno jew il-periklu li għaddew minnu Ċipru. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-awtoritajiet għandhom ikunu ndipendenti biex verament iħarsu l-interess tal-poplu u mhux l-interess tal-Gvern.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni toffri l-kollaborazzjoni kollha tagħha biex isir il-pipeline. Il-Gvern xorta waħda jista’ jraħħas il-kontijiet u fil-fatt se jkun qed iraħħashom anke jekk il-Power Station għadha ma nbnietx. It-traħħis jista’ jsir bl-interconnector, bl-iffrankar tal-flus permezz tal-impjant tal-BWSC u anke billi jiġġieled is-serq tal-elettriku. Iżda l-maħfra tal-korruzzjoni mhux mod kif il-Gvern jiġġield is-serq.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu daħq fil-wiċċ dak li għamel il-Gvern meta ma semma’ xejn qabel l-elezzjoni dwar ħażna fuq bastiment fil-port. Bl-istess mod, hu wkoll daħq fil-wiċċ meta l-Prim Ministru jgħid li bastiment bil-ħażna barra l-port hu aktar perikoluż minn bastiment fil-port.