Għal darb’oħra, il-Ministru Manwel Mallia jinqabad jigdeb. Din id-darba fi stqarrija uffiċjali tad-DOI, meta f’Settembru li għadda kien qal li kienet ħarġet is-security clearance meħtieġa biex il-Brigadier tal-Armata u d-Deputat Kmandant setgħu jingħataw il-promozzjonijiet neċessarji.
Kien is-sit elettroniku ta’ MaltaToday, li żvela l-gidba ta’ Manwel Mallia. Bil-pubblikazzjoni tat-talbiet mis-Security Service ta’ Malta biex il-Brigadier Jeffrey Curmi u d-Deputat Kmandant Mark Mallia jingħataw is-security clearance, xahrejn wara li tpoġġew fil-kariga u ħames xhur wara li Manwel Mallia kien qal li kellhom din is-security clearance. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami qal li biex jaġevola lill-ftit, dan il-Gvern kien lest iwarrab l-obbligi tiegħu.
Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew titlob li biex l-ogħla Uffiċjali tal-Armati fl-Ewropa jkollhom aċċess għal dokumenti u informazzjoni meqjusa bħala top secret tal-Unjoni Ewropea jrid ikollhom is-security clearance. Beppe Fenech Adami fakkar li wara li saru numru ta’ promozzjonijiet fl-Armata, il-Partit Nazzjonalista kien qal li ma sarux il-verifiki meħtieġa. Dakinhar, il-Ministru Manwel Mallia kien ċaħad dan u fi stqarrija uffiċjali qal li kienet ħarġet din is-security clearance. Iżda kif spjega Beppe Fenech Adami, dak li ġie żvelat fil-media juri li kien Manwel Mallia li kien qed jigdeb meta qal li kienet ħarġet is-security clearance.
Dan kien ifisser li l-Brigadier u d-Deputat Kmandant tal-Armata kellhom aċċess għal informazzjoni sensittiva u top secret fuq livell lokali u Ewropew mingħajr ma għaddew minn għarbiel meħtieġ li jikkonferma jekk jistax ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni. Il-fatt li dawn il-verifiki ma sarux jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq ir-relazzjoni ta’ pajjiżna mal-istati membri l-oħra tal-UE. Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi spjega li pajjiżna dejjem irrispetta l-obbligu legali li l-Brigadier u d-Deputat Kmandant ikollhom is-security clerance tagħhom kompluta qabel ma jinħatru fil-kariga.
Għall-kuntrarju, dan il-Gvern għażel li biex jaqdi lil tal-qalba jiġi jaqa’ u jqum mis-sigurtà nazzjonali. “Muscat ma jimpurtahx li jigdeb, imbasta jaqdi lil tal-qalba”, saħaq Jason Azzopardi. Jason Azzopardi saħaq li l-Ministru Mallia jrid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir għax mhux aċċettabbli li persuna pubblika tigdeb u tipprova tgiddeb lill-Oppożizzjoni.
//= $special ?>


