Lokali

Is-settur tal-agrikoltura jrid ikun negozju

Illum, is-settur tal-agrikoltura jrid ikun negozju għax inkella ma jirnexxiex fil-qasam internazzjonali. Dan qalu d-Direttur Ġenerali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea Leonard Mizzi fi preżentazzjoni li għamel waqt diskussjoni bit-tema: “L-Ewropa xi tfisser għall-Bdiewa u r-Raħħala? Kif jista’ Ewro Parlamentari jagħmel differenza?”. L-attività saret fl-Istitut tal-Agrikoltura tal-MCAST f’Ħal Qormi.

Matul id-diskussjoni, organizzata mill-MEUSAC u mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Leonard Mizzi fakkar li l-baġit tal-agrikoltura hu 40% tal-baġit kollu tal-Unjoni Ewropea. Hu stqarr li llum qed ikunu żmantellati l-kwoti u, bil-mod il-mod, is-settur qed ikompli jikkompeti. Mizzi sostna li l-kwoti jirrestrinġu l-kompetizzjoni u semma’, fost oħrajn, il-bżonn li jkunu żmantellati l-kwoti taz-zokkor u tal-halib.

Leonard Mizzi stqar li fl-aħħar 18-il xahar, ir-rwol tal-Parlament Ewropew kien strumentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-agrikoltura. Hu kompla li skont rapport mill-Eurobarometer, il-Maltin iħarsu lejn l-agrikoltura bħala qasam importanti għall-futur ta’ Malta. L-istess rapport wera li 50% tal-Maltin jafu xi tfisser politika agrikola komuni, iżda fl-istess ħin isostnu li din għandha tħares l-ambjent.

Barra minn hekk, skont l-istess rapport tal-Eurobarometer, il-Maltin jixtiequ jaraw minn fejn ġejjin il-prodotti agrikoli importati. Fuq kollox, il-konsumatur Malti jixtieq jara prodotti oriġinati minn pajjiżi ġirien ta’ Malta. Preżenti fid-diskussjoni kien hemm ukoll kandidati mit-tliet partiti politiċi għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb.