Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet il-qofol u l-aqwa mument fil-karriera politika ta’ Eddie Fenech Adami, filwaqt li ddeskriva l-qtil politiku ta’ Raymond Carunana bħala l-agħar mument fil-ħajja politika tiegħu. Fenech Adami tkellem dwar il-ħajja politika tiegħu waqt diskussjoni fl-Università ta’ Malta, li matulha wieġeb għal diversi mistoqsijiet mill-istudenti u mil-lecturers, qabel ma ffirma l-ktieb bl-awtobijografija tiegħu “Eddie – My Journey”.
L-Editor-in Chief ta’ The Times of Malta Steve Mallia, li għen lil Fenech Adami fil-kumpilazzjoni tal-awtobijografija, mexxa d-diskussjoni. Attendew numru kbir ta’ studenti u lecturers, kif ukoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.
Eddie Fenech Adami qal li hu dejjem emmen fl-UE sa minn meta kien għadu student fl-Università. Fakkar li dak iż-żmien, hu kien jipparteċipa f’diskussjonijiet f’dik li kienet tissejjaħ il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-mira politika tiegħu kienet li Malta ssir membru tal-UE. Hu qal li din ma kinitx faċli minħabba li ħafna kienu jaraw lil Malta bħala pajjiż żgħir wisq biex jissieħeb fl-UE, iżda bis-sħubija fl-UE, Malta gawdiet minn ħafna benefiċċji.
Eddie Fenech Adami qal li wieħed irid jemmen f’dak li qed jagħmel biex jirnexxi u qal li politiku jrid ikun jaf jikkomunika tajjeb. Hu spjega li llum permezz tar-radju, tat-televiżjoni u tal-internet, hu aktar faċli li wieħed jikkomunika ma’ udjenza kbira.
//= $special ?>
