Lokali

Jeffrey Curmi u Mark Mallia ma kellhomx is-'security clearance' qabel il-promozzjonijiet fl-Armata

Jeffrey Curmi (ritratt) u Mark Mallia nħatru Brigadier u Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) rispettivament mingħajr ma kellhom security clearance kif mitlub minn deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew. Curmi u Mallia ġew promossi għal Brigadier u Deputat Kmandanti tal-Armata fl-20 ta’ Diċembru, iżda dokumenti kunfidenzjali żvelati minn MaltaToday jikkonfermaw dak li kienet qed tgħid l-Oppożizzjoni dak iż-żmien.

Dak iż-żmien kien jingħad li bil-promozzjonijiet mgħaġġla kif saru fl-Armata, l-ogħla żewġ Uffiċjali tal-FAM ma setgħux ikollhom aċċess għal dokumenti u informazzjoni meqjusa bħala top secret tal-Unjoni Ewropea. It-talba mis-Security Service ta’ Malta lill-banek biex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja ħalli Jeffrey Curmi u Mark Mallia jingħataw is-security clearance ħarġet fit-18 u fis-27 ta’ Frar rispettivament, jiġifieri xahrejn wara li l-Gvern laħħaqhom Brigadier u Deputat Kmandant.

L-informazzjoni mitluba lill-banek tikkonsisti, fost l-oħrajn, fl-istorja finanzjarja ta’ Curmi u Mallia ta’ dawn l-aħħar 10 snin, jiġifieri l-informazzjoni kollha dwar it-transazzjonijiet finanzjarji kollha li saru. Din l-aħbar tpoġġi dubji kbar fuq il-leġittimità tal-promozzjonijiet li ngħataw Curmi u Mallia matul is-sajf li għadda.

Fuq kollox, din l-aħbar tgiddeb dak li kien qal il-Ministru Manwel Mallia f’Settembru li għadda, waqt li kien qed jiddefendi dawn il-promozzjonijiet, meta kien qal li kemm Curmi kif ukoll Mallia u żewġ Uffiċjali oħra tal-FAM li nghataw il-promozzjonijiet, kellhom il-clearance tas-sigurtà.