Lokali

Nathan Farrugia jidħol għal sfida rekord bil-għan li jiġbor il-fondi għall-Inspire

F’Ġunju li ġej, is-CEO tal-Inspire Nathan Farrugia ser jiġri, jgħum u jsuq ir-rota għal tul ta’ 666km bla waqfien bejn Korsika u Sardenja. Din l-avventura, li ġġib l-isem ta’ “Eurosport Ultra Med Challenge”, se ddum madwar tlett ijiem u l-attività fiżika hi kontinwa għax l-atleta mhux qed jippjana li jieqaf, ħlief għal xi breaks żgħar.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-kumpless tal-Inspire, Nathan Farrugia qal li din hi sfida pjuttost unika bi ftit breaks ta’ 45 minuta. Hu spjega li l-fondi kollha se jmorru b’risq l-Inspire. L-avventura ta’ Farrugia mistennija tibda b’ġirja ta’ madwar 210km f’Korsika, imbagħad jgħum 15km biex jasal fuq Sardenja, minfejn se jsuq ir-rota għal distanza ta’ madwar 440km.

Nathan Farrugia rringrazzja lill-isponsors li qed jgħinuh f’din l-inizjattiva: il-kumpaniji Eurosport u BRND WGN.

Min-naħa tagħhom, kelliema għaż-żewġ kumpaniji faħħru l-impenn ta’ Farrugia. Filwaqt li l-Manager ta’ Eurosport sellmet lil Nathan bħala l-Ambaxxatur perfett għal Malta u għall-kumpanija, is-CEO ta’ BRND WGN ħeġġeġ lin-nies biex jagħtu l-appoġġ lil Nathan u jekk ikunu jixtiequ jgħumu, jiġru jew isuqu r-rota miegħu, kif se jagħmel hu stess.

Il-fondi kollha se jmorru għall-fondazzjoni Inspire, li tispeċjalizza f’servizzi għal nies b’diżabbiltà f’Malta u Għawdex. Min jixtieq jagħti donazzjoni, għandu jibgħat SMS bil-kliem “Nathan’s Challenge” lil 50617359 (€2.33), 50618080 (€4.66), 50618962 (€6.99) jew 50619215 (€11.65). Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lil nathan.farrugia@inspire.org.mt.