Il-President Russu Vladimir Putin iffirma Digriet li jirrikonoxxi lill-Krimea bħala stat sovran. Dan se jwassal biex ir-reġjun jiġi assorbit fir-Russja. Id-Digriet stqarr li ġie kkunsidrat ir-referendum tal-Ħadd fil-Krimea, fejn uffiċjali qalu li 97% tal-votanti taw l-appoġġ tagħhom biex ir-reġjun jinqata’ mill-Ukrajna. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qalu li r-referendum kien illegali u mponew sanzjonijiet fuq 21 Uffiċjal mir-Russja u mill-Ukrajna.
Il-Krimea ġiet ikkontrollata minn persuni armati favur is-sħubija mar-Russja fl-aħħar ta’ Frar. Il-Kremlin ċaħad uffiċjalment li n-nies armati huma suldati Russi, iżda kkonċeda l-fatt li Membri Parlamentari awtorizzaw lill-President Putin biex tintuża’ l-forza wara talba formali għall-għajnuna mill-eks President Ukren Viktor Yanukovych.
Il-Krimea kienet ilha parti mill-Ukrajna sa mill-1954, iżda l-maġġoranza tal-popolazzjoni tagħha hi Russa etnika.
//= $special ?>
