Lokali

Stqarrija tal-NGO's dwar r-rewwixta ġewwa l-Barracks

Għaxar NGO’s fi stqarrija talbu lil Gvern biex jagħmel inkjesta verament indipendenti dwar l-inċidenti tal-25 ta’ Frar f’Lyster Barracks waqt protesta minn xi immigranti.

L-NGO’s talbu lil Gvern iwaqqaf mekkanizmu biex jassigura li inċidenti bħal dawn jkunu suġġetti għal skrutinju indipendenti b’mod sistematiku u f’waqthom.

L-għaqdiet qalu li l-inkjesta li saret mill-Gvern, ixxaqleb favur l-awtoritajiet u tħalli bosta mistoqsijiet mhux imwieġba.

Huma fakkru li nhar il-Gimgħa l-Bord imwaqqaf mill-Ministru Manwel Mallia, u iffurmat esklussivament minn nies impjegati mill-istess Ministeru, ikkonkluda li l-Pulizija ma uzatx forza eċċessiva minkejja li tnejn minn tliet immigranti intervistati qalu li kienu msawwta.

Dan minkejja li madwar 30 immigrant kienu involuti u skont l-istess rapport tal-inqas ħamsa minnhom ingħataw kura medika wara l-incidenti.

Għalhekk jidher li l-inkjesta kienet ibbażata l-aktar fuq xhieda oħra li jew kienu partijiet interessati bħas-servizzi ta’ detenzjoni u l-Pulizija jew li ma kinux preżenti waqt l-inċidenti, bħal UNHCR u s-Servizzi tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati, ittemm l-istqarrija tal-NGO’s.