Lokali

Talba uffiċjali biex il-MEPA tippubblika r-Rapport Maffezzoli dwar il-periklu tat-tanker fil-Bajja ta' Marsaxlokk

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia għamlu talba uffiċjali biex l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tippubblika r-rapport li sar mill-Inġinier Umberto Maffezzoli dwar l-analiżi tal-periklu tat-tanker bil-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Huma għamlu t-talba f’ittra li ppreżentaw personalment liċ-Chairman tal-MEPA l-Perit Vince Cassar. It-talba għall-pubblikazzjoni tar-rapport saret skont ir-Regolament għall-Aċċess ta’ Informazzjoni Ambjentali skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus. B’hekk, il-pubbliku jkollu l-aċċess sħiħ għar-rapport ta’ Umberto Maffezzoli kkummissjonat mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA).

Skont rapport f’The Malta Independent tal-Ħadd, 9 ta’ Marzu, l-OHSA għandha r-rapport ta’ Maffezzoli, li jinkludi proposti u opinjoni relevanti għas-saħħa u s-sigurtà dwar il-ħażna tal-gass LNG fuq tanker fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, li l-MEPA qed tiġi mitluba tapprova.

George Pullicino spjega li hu dritt tal-pubbliku li jkollu din l-informazzjoni, filwaqt li Therese Comodini Cachia qalet li bħalissa l-MEPA suppost għaddejja b’konsultazzjoni pubblika dwar il-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. Iżda l-ħasra hi li wieħed irid bilfors jagħmel użu ta’ Liġi biex il-pubbliku jkollu l-aċċess għall-informazzjoni. Hi qalet li biex il-konsultazzjoni tal-MEPA tkun effettiva, il-pubbliku jkun jista’ jirrispondi biss jekk ikun infurmat.

Fl-ittra liċ-Chairman tal-MEPA, George Pullicino u Therese Comodini Cachia spjegaw li r-rapport ta’ Dr George Papadakis, li kien ippubblikat biss sommarju tiegħu, jieħu in-konsiderazzjoni rakkomandazzjonijiet ta’ Umberto Maffezzoli għalkemm dawn ma kienux ippubblikati. Minħabba li l-MEPA mistennija tiddeċiedi dwar il-ħażna tat-tanker tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk it-Tnejn li ġej, il-MEPA ntalbet tikkunsidra t-talba biex tippubblika r-rapport ta’ Maffezzoli b’urġenza.