Xhur biss wara li l-gvern Laburista għalaq għal ġimgħat sħaħ il-Park tal-Familja, il-Ministru tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ħabbar li se tinfetaħ espressjoni ta’ interess għall-kummerċjalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-park.
Din l-espressjoni ta’ interess tiftaħ fit-30 ta’ Marzu. Madankollu l-Ministru Brincat, li organizza konferenza stampa fl-istess Park f’Marsaskala propju biex jagħti dettalji dwar din l-espressjoni ta’ interess, ma jafx meta se tagħlaq.
L-għan ta’ din l-espressjoni ta’ interess hu li kumpaniji jew individwi jissottomettu l-ideat tagħhom dwar x’jista jsir f’żoni ta’ dan il-Park. Iż-żoni li japplikaw għal din l-espressjoni huma l-istalel, iż-żona tar-rock climbing, iż-żona tar-ristoranti u t-tea area, l-animal area, l-Amfiteatru u l-pillbox, iż-żona miftuħa għall-Attivitajiet fil-Beraħ u l-Agri Ċentru. Madankollu, minkejja l-iżvilupp ta’ dawn iż-żoni, il-park se jibqa’ taħt it-tmexxija tal-Gvern.
Hemm l-idea wkoll li fil-park jiżdiedu l-faċilitajiet sportivi li jistgħu jintużaw ukoll minn għaqdiet sportivi tal-madwar.
L-iskop ta’ dan il-proġett hu li l-flus iġġenerati jintużaw mill-management tal-park, fil-park stess, bl-għan li park ikun sostenibbli.
//= $special ?>
