Lokali

Imut l-Arċipriet Emeritus taż-Żebbuġ Mons. Alwiġ Vella

Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Marzu tħabbret il-mewt ta’ Mons. Alwiġ Vella, Arċipriet Emeritus tal-parroċċa matriċi ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ, Għawdex fl-età ta’ 84 sena.

Dun Alwiġ Vella twieled fil-Fontana Għawdex nhar it-8 ta’ Ġunju 1930 minn familja ta’ saċerdoti. Zijuh kien Dun Franġisk Mercieca Kappillan taż-Żebbuġ li fi żmienu l-parroċċa ngħatat l-Arċipretura filwaqt li żewġ kuġini tiegħu – Mons. Girgor Vella u Mons. Nikola Vella – servew bħala Kappillani fil-Parroċċi ta’ San Lawrenz u ta’ Ta’ Sannat rispettivament.

Anke ħuħ Ġorġ sar saċerdot u kien ta’ għajnuna kbira għalih tul iż-żmien li dam Kappillan fiż-Żebbuġ bejn l-1964 u l-1996. In-neputi tiegħu Mons. Salv Tabone huwa wkoll saċerdot u għal bosta snin kien ċerimonier tal-Isqof Nikol Cauchi. Meta kellu biss sitt snin, Dun Alwiġ tela’ ż-Żebbuġ biex flimkien mal-familja tiegħu jgħixu f’dan ir-raħal fejn attenda l-iskola primarja u rċieva s-sagramenti l-oħra.

Ordnat saċerdot minn idejn l-Isqof Pace fl-1955 u qatta’ l-parti l-kbira ta’ ħajtu f’dan ir-raħal.
Ġrajja sabiħa kienet dik tal-inkurunazzjoni tax-xbieha titulari nhar it-18 ta’ Awwissu 1980 li għaliha kien attenda l-Kardinal Mario Luigi Ciappi O. P. Anke wara li rtira minn arċipriet, Mons Vella baqa’ jħobb iż-Żebbuġ u kien baqa’ jitla’ għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-funerali kollha sakemm saħħtu baqgħet tippermettilu.

Kwiet u kemmxejn riservat, Vella kien ta’ natural sod u qawwi quddiem it-tiġrib hekk li baqa’ sal-aħħar isegwi dak li jiġri fil-parroċċa ta’ mħabbtu. Wara li temm is-snin tal-parrokkat, hu kien mar joqgħod il-Fontana fejn tgħammed.

Kien imma xieraq li l-funeral tiegħu – immexxi mill-Isqof Mario Grech flimkien ma’ erbgħin saċerdot isir fil-parroċċa li serva għal aktar minn tletin sena.