Lokali

Mallia jerġa' jinqabad f'gidba u Muscat jibqa' sieket

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa' sieket minkejja li Ministru tal-Kabinett tiegħu, għal darb'oħra inqabad f'gidba.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta' Nazzjonali Manwel Mallia inqabad jigdeb dwar l-obbligu tas-security clearance għall-ogħla uffiċjali tal-Forzi Armati.

F'Settembru li għadda, Manwel Mallia qal li s-security clearance għall-Brigadier Jeffrey Curmi u d-Deputat Kmandant Mark Mallia inħarġet qabel dawn ingħataw il-promozzjonijiet.

Iżda l-gazzetta Maltatoday żvelat li t-talbiet mis-Servizz tas-Sigurta' ta' Malta għall-informazzjoni meħtieġa biex Curmi u Mallia jingħataw is-security clearance ħarġu fit-18 ta' Frar u fis-27 ta' Frar rispettivament. Xahrejn wara li l-Gvern laħħaqhom Brigadier u Deputat Kmandant.

Din is-security clearance hi meħtieġa biex uffiċjali għolja ta' Forzi Armati ta' Stati Membri tal-UE ikollhom aċċess għal dokumenti u informazzjoni tal-UE klassifikati bħala top secret.

Din mhux l-ewwel darba li l-Ministru Manwel Mallia jinqabad f'gidba u pprova jiżvijja lill-pubbliku. Matul is-sajf li għadda, fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, il-Ministru Mallia kien iddikjara €500,000 fi flus kontanti li qal li waslu minn bejgħ ta' propjeta'

Iżda meta ġimgħatejn wara ħareġ li fl-arkivji tar-Reġistru Pubbliku ma jidhirx bejgħ ta’ propjeta’ f’isem il-Ministru Mallia, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali biddel il-verżjoni ta’ dak li qal gimghatejn qabel u qal li dawn il-flus ġejjin minn xogħol tieghu ta’ 40 sena bħala avukat

Quddiem mill-inqas dawn iż-żewġ każi fejn Ministru tiegħu inqabad jigdeb u quddiem il-fatt li l-Ministru Mallia kien fost l-iktar ministri li kien fic-centru ta' kontroversji f'din l-aħħar sena, il-PM Joseph Muscat jibqa' ma jieħux azzjoni.