Lokali

Marlene Farrugia tgħid li n-nies inkwetati fuq il-proġett tat-tanker bil-ħażna tal-gass

[youtube width=”600px” height=”300px”]6kDRDL522dg[/youtube]

Meta kienet qed titkellem fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-impatt ambjentali u fuq il-ħajja tan-nies u r-residenti f’Marsaxlokk u Birżebbuġa, id-Deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li hija sfortuna li d-dibattitu dwar il-proġett tat-tanker bil-ħażna tal-gass ma tħalliex li jsir fi ħdan il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar fejn setgħu jsiru mistoqsijiet lill-esperti dwar dan il-proġett.

Marlene Farrugia saħqet li n-nies għadhom inkwetati fuq dan il-proġett għax qed jaraw rapporti kunflinġenti mill-esperti.

Id-dibattitu kien indirizzat ukoll mill-Viċi Kap tal-PN Mario De Marco li saħaq li l-għaġġla żejda f’dan il-proġett, minħabba t-time frames li l-gvern impona fuqu nnifsu, hija inkwetanti minħabba r-riskju ta’ dan il-proġett.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa għalfejn il-Gvern mhux jagħti widen għat-tħassib tal-poplu ta’ Birżebbuġa u saħaq li l-Oppożizzjoni ma tistax tibqa’ siekta quddiem in-nuqqas ta’ sigurtà ta’ dan il-proġett.

Id-Deputat Toni Bezzina qal li, minkejja li dan il-Gvern tela’ bl-għajta ta’ ‘Gvern li jisma’ qed jagħżel li ma jagħtix widen għall-inkwiet tar-residenti tas-sajjieda. Hu staqsa x’wassal biex il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u jagħżel li jankra l-bastiment fil-bajja ta’ MarsaXlokk.

Id-Deputat George Pullicino ikkritika n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan il-proġett u staqsa kif ċertu deċiżjonijiet ttieħdu skont rapporti li l-Gvern għandu iżda qed iżomm moħbija.