Lokali

Valletta fil-finali wara nuqqas ta’ żewġ staġuni

GŻIRA U………………0
VALLETTA…………..2

Gżira> K. Gerada, Y. Tonna, R. Forace, A. White, J. Camilleri, B. Bondin, R. Deguara, M. Kotyza, P. Gueye, M. Avila Perez, S. Meilak
Sost- C. Cassar flok Y. Tonna 59’, J. Chetcuti flok R. Deguara 69’, S. Vella flok S. Meilak 77’

Valletta> N. Revishvili, J. Caruana, S. Borg, R. Fenech, E. Agius, R. Briffa, O. Reyes Sanchez, H. Barry, S. Bajada, L. Elford Alliyu, A. Nafti
Sost- L. Cremona flok S. Bajada 63’, L. Montebello flok L. Elford Alliyu 68’, J.P. Mifsud Triganza flok E. Agius 78’

Skorjaw> E. Agius 23’, L. Cremona 92’ (V)
Imwissija> R. Fenech 80’, O. Reyes Sanchez 83’ (V), C. Cassar 89’ (G)
Tkeċċa> M. Avila Perez 80’ (G)
Referee> Chris Lautier

Valletta waslu sal-finali wara nuqqas ta’ tliet snin meta f’partita nieqsa mill-azzjonijiet għelbu lil Gżira United 2-0. L-aħħar finali li fiha Valletta kienu involuti kienet it-telfa kontra Floriana fl-istaġun 2010-2011. Il-Beltin bla dubju kienu l-aħjar tim fil-grawnd iżda l-pjan difensiv tal-kowċ ta’ Gżira Ivan Zammit żamm lit-tim Belti milli jesprimi l-aħjar logħob tiegħu. Gżira kienu ilohm ma jilagħbu fis-semi finali ta’ din il-kompetizzjoni 41 sena.

Minkejja id-differenza bejn iż-żewġ timijiet Gżira pruvaw jagħlqu l-ispazji fid-difiża filwaqt li jħallu l-avversarji bil-pussess tal-ballun bil-għan li joperaw bil-kontrattakk.

Gżira kellhom nieqes lil veteran Jamie Pace filwaqt li l-kowċ Andre Paus wettaq diversi tibdiliet mill-aħħar partita fejn Revishvili ħa post Yenz Cini li kien ma jiflaħx b’Ryan Fenech u Shaun Bajada jirritornaw ukoll wara li l-aħħar partita kienu sospiżi filwaqt li l-barranin Denni Rocha dos Santos, Alan da Silva Souza u Irakli Maisuradze ma kinux mal-lista ta’ tmintax.

L-ewwel azzjoni lejn il-lasti waslet fis-sitt minuta meta xutt ta’ Hamza Barry għadda ftit għoli.

Il-Beltin marru viċin fil-15-il minuta meta Shaun Bajada għadda tajjeb mix-xellug u krossja fil-baxx lejn Lateef Elford Alliyu iżda mill-viċin xeħet għoli. Gżira ħolqu l-uniku periklu denju fl-20 minuta meta Pape Gueye niżżel bir-ras lejn Moises li prova b’xutt djagonali iżda Revishvili salva.

Valletta fetħu l-iskor fit-23 minuta meta Hamza Barry qabeż tlietdifensuri u prova b’xutt fil-baxx li Gerada salva mingħajr ma żamm biex daħal EDMOND AGIUS li mill-viċin ma żbaljax.

Il-Beltin komplew il-partita fil-kmand assolut u fid-29 minuta Ryan Fenech b’finta tajba ġibed il-ballun fuq saqajh ix-xellugija iżda x-xutt fil-baxx tiegħu spiċċa barra. Gżira komplew isibuha diffiċli u Valletta marru viċin it-tieni gowl fid-39 minuta meta minn kross ta’ Briffa, id-daqqa ta’ ras ta’ Elford Alliyu għaddiet ftit għoli.

Valletta marru viċin it-tieni gowl fis-47 minuta meta Hamza Barry prova b’xutt mid-distanza iżda l-konklużjoni għaddiet ftit barra. Fit-63 minuta Hamza Barry mar għal darba oħra b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa iżda sab lil Gerada lest biex idawwar f’korner.

Gżira komplew jilagħbu l-partita b’għaxar plejers meta wara li Ryan Fenech wettaq fawl f’nofs il-grawnd, Moises Avila Perez deher jirritalja u r-referee Chris Lautier wera l-karta l-ħamra lil Avila Perez u karta safra lil Fenech. Fid-90 minuta s-sostitut Christian Cassar krossja lejn Andre White li prova bir-ras iżda Revishvili salva faċilment.

Valletta għalqu l-partita fid-92 minuta meta l-prodott ta’ Valletta LLYWELYN CREMONA għeleb in-nasba tal-offside wara pass ta’ Luke Montebello u wara li avvanza, bil-kalma għeleb lil Gerada b’xutt fil-baxx.