Lokali

9,500 applikazzjoni s’issa għal rifużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi

Transport Malta s’issa rċeviet 9,500 applikazzjoni għal rifużjoni tal-VAT imħallsa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Minn dawn, 7,000 ġew proċessati u l-ewwel ħlas mistenni jibda jingħata mit-tieni ġimgħa ta’ Mejju.

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Marsa, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-iskema tar-radd tal-flus lura tgħodd għal dawk kollha li bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2008 xtraw karozza għall-użu personali u, skont hu, id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi ma ġewx imħarsa. Tgħodd ukoll għal min xtara mutur jew vann kummerċjali.

Il-Ministru Mizzi sostna li dawk kollha li jaħsbu li huma eliġibbli għandhom japplikaw sat-28 ta’ Marzu li ġej. Hu fisser li l-iskema hi miftuħa għal vetturi ġodda kif ukoll użati, kif ukoll dawk mixtrija jew importati, kemm mill-Ewropa kif ukoll minn barra l-Ewropa.

L-iskema tapplika għall-ewwel sid reġistrat tal-vettura, irrispettivament jekk il-vettura tkunx għadha fil-pussess tiegħu jew tagħha meta ssir l-applikazzjoni. Fil-każ ta’ vetturi reġistrati minn persuni li ġew nieqsa, wara reviżjoni li saret fl-iskema, issa l-werrieta tagħhom jistgħu japplikaw f’isimhom. Dawk li mhux eliġibbli se jkunu notifikati permezz ta’ ittra.

Il-Ministru Mizzi qal li l-ħlasijiet se jkunu mifruxa fuq perijodu ta’ seba’ snin u dawk kollha eliġibbli se jkunu mfakkra biex japplikaw kull sena.