Internazzjonali

Berlusconi jirrinunżja għat-titlu ta’ ‘Cavaliere’

L-ITALJA
L-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi rrinunżja għat-titlu ta’ ‘Cavaliere Del Lavoro’. Dan ġurnata wara li qorti tal-appell konfermat is-sospenżjoni tiegħu ta’ sentejn minn kariga pubblika.
Dan it-titlu jingħata lil dawk li jkunu spikkaw fil-qasam tax-xogħol fl-Italja u Berlusconi kien ingħata dan it-titlu fis-snin Sebgħajn. Infatti dan it-titlu maż-żmien spiċċa wkoll il-laqam li biħ kien ikun magħruf Silvio Berlusconi u fil-media Taljana spiss jirreferu għaliħ bħala “il Cavaliere”.
Hekk kif Berlusconi s-sena li għaddiet kien instab ħati ta’ frodi, kien hemm xi membri ta’ dan l-unur li kienu qed iħeġġu li jitneħħielu dan l-unur. Wara li kien instab ħati s-sena li għaddiet ta’ frodi, lill-eks Prim Ministru Taljan kien tneħħa wkoll mis-Senat Taljan u kundannat erba’ snin ħabs. Il-kundanna ta’ l-aħħar aktarx se tinbidel f’sena servizz fil-kommunita.
Id-deċiżjoni ta’ din il-ġimgħa mill-qorti tal-appell tfisser li Berlusconi m’hux se jkun jista’ jikkontesta l-kariga għall-Parlament Ewropew f’Mejju. Kien hemm pjani beix Berlusconi jkun kandidat għal Forza Italia, il-partit li kien ħoloq.
Issa hemm għajdut li minflok Berlusconi, għall-elezzjonijiet Ewropei se jikkontestaw waħda miż-żewġ bnit tiegħu, Barbara jew Marina.
L-avukat ta’ Berlusconi, Niccolo Ghedini, qal li l-klijent tiegħu kien dispjaċut ħafna mid-deċiżjoni tal-qorti.