Il-Ħamis waqt il-programm ta’ tiġrijiet is-sewwieq Charles Camilleri kien ukoll ippremjat bħala l-aħjar ġerrej għax-xahar ta’ Jannar-Frar.
Matul dawn ix-xahrejn saru total ta’ sitt programmi li fihom Camilleri saq 37 darba u ħareġ rebbieħ 7 darbiet waqt li pplejsja wkoll fi 13-il tiġrija. Fl-aħħar programm tax-xahar ta’ Frar Camilleri rebaħ tliet tiġrijiet.
Charles Camilleri għandu 42 sena u s-sena l-oħra kien il-ġerrej tax-xahar ta’April. B’aktar minn 3500 tiġrija fuq is-serkin u kważi 500 rebħa, Camilleri kien l-aqwa ġerrej tal-Malta Racing Club erba’ darbiet – fl-2004, 2005, 2006 u 2009 u f’dawn l-aħħar 4 staġuni dejjem spiċċa fit-tieni post. Bħalissa jinsab ukoll fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa ġerrejja.
Apparti plakka ta’ tifkira, Charles Camilleri ngħata wkoll flixkun whiskey Johnnie Walker Red Label minn Alfred Braddick, Marketing Manager ta’ M. Demajo (Wines & Spirits) Ltd li huma l-isponsors ta’ dan l-unur.
Charles Camilleri ppremjat bħala ‘Ġerrej tax-Xahar’ għal Jannar-Frar
