Unjoni Ewropea

Dibattitu dwar ir-rilevanza tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għaż-żgħażagħ

Fil-Common Room tal-Università ta’ Malta, sar dibattitu dwar ir-rilevanza tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għaż-żgħażagħ. L-attività saret mil-League of Young Voters Malta, li hi inizjattiva konġunta bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Fid-dibattitu, li tmexxa mill-opinjonista u preżentatur Andrew Azzopardi, tkellmu l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fosthom Jonathan Shaw f’isem il-Partit Nazzjonalista. Preżenti kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Ewropej u kandidata Roberta Metsola, kif ukoll il-kandidati għall-Parlment Ewropew Therese Comodini Cachia, Kevin Cutajar u Francis Zammit Dimech. Rappreżentanti minn korpi studentesti għamlu diversi mistoqsijiet lill-kandidati preżenti.

Jonathan Shaw stqarr li l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ mhumiex l-istess kullimkien. Hu rrefera għall-qgħad f’Malta, li qed jiżdied kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżi Ewropej oħrajn. Bi tweġiba għal mistoqsija li saret minn kelliema tal-GWU Youths, il-kandidat Nazzjonalista qal li r-rwol tat-trejdunions illum inbidel u saħaq li dawn għandhom jispiraw liż-żgħażagħ biex jiffokaw fuq is-soluzzjonijiet u mhux iħambqu fuq il-problemi. Ralph Cassar, mill-AD, qal li wieħed għandu jara kif jintefqu l-flus mill-baġit Ewropew u saħaq li dawn għandhom jintefqu fuq oqsma soċjali, ambjentali u kontra l-awsterità.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija dwar il-Garanzija tax-Xogħol għaż-Żgħażagħ, Jonathan Shaw qal li l-Gvern irid jistinka iżjed dwarha u sostna li jekk ikun elett se jkun qed jaħdem biex ikun hemm iżjed opportunitajiet ta’ mpjiegi għaż-żgħażagħ fuq livell nazzjonali. Dwar l-immigrazzjoni irregolari, Shaw stqarr li hu għandu d-dubji tiegħu dwar it-tħaddim tal-Burden Sharing mandatorju, filwaqt li żied li s-soluzzjoni qatt m’għandha tkun il-politika tal-push-backs.

Mistoqsija li tqajmet mill-panel trattat ir-rwol tal-MEP. Hawn, Jonathan Shaw enfasizza dwar l-importanza tan-networking biex MEP iħalli t-timbru tiegħu. B’referenza għal kwistjonijiet bħall-bejgħ taċ-Ċittadinanza u l-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, Shaw żied li MEP m’għandux iħallat l-interessi nazzjonali mal-interessi tal-Gvern.