Lokali

Editorjal: Qżież

Id-dibattitu li sar nhar it-Tlieta fil-Parlament dwar it-tanker kbir tal-gass li l-Gvern Laburista se jankra b'mod permanenti fil-Bajja ta' Marsaxlokk jibqa' mniżżel fl-istorja tal-Parlament Malti l-aktar mhux għal min tkellem u x'qal imma għal dak li ma tkellimx u li wera qżież kbir mal-elettorat anke tiegħu stess; il-Prim Ministru Muscat.

Dibattitu li fih spikka s-skiet ta' Muscat
Għax mis-sittax-il Deputat li l-Partit Laburista tella' mill-erba' distretti milqutin, l-iprem fosthom hu Joseph Muscat li hu stess tela' minn tnejn minn dawk id-distretti u li hu stess se jankra tanker tal-gass riżultat ta' sensiela ta' gideb tiegħu stess.

Muscat gideb lill-elettorat sena ilu
Għax sena ilu, Muscat gideb lill-elettorat kollu u speċjalment lill-elettorat tan-naħa t'isfel ta' Malta li eluf kbar minnu taw vot personali lilu stess meta ma semma xejn li se jankra xi tanker f'nofs il-Bajja ta' Marsaxlokk ħdejn power station. Xejn.

Ħmistax minn sittax-il Deputat Laburista għala biebhom…
Ħmistax mis-sittax-il Deputat Laburista eletti min-nofsinhar ta' Malta qed jiġu għala biebhom bħal Muscat mill-elettorat li tellagħhom u qed jiddefendu d-deċiżjoni ta' Muscat li hi biss qżież. Għax it-tanker jista' jitqiegħed 'il barra fil-baħar kif għamlu pajjiżi oħra. Hekk jitlob is-sens, li ma tpoġġix tanker tal-gass ħdejn power station għax 'k itir wieħed, anke jekk ir-riskju mhux kbir, ittir il-power station miegħu.

… minn dawk stess li tellgħuhom, ħlief Marlene Farrugia
Waħda biss mis-sittax-il Deputat Laburista tal-inħawi kellha l-kuraġġ titkellem u tappella għas-sens u l-għaqal fl-istess dibattitu, Marlene Farrugia, li wieħed jista' ma jkunx jaqbel mal-policies tal-partit tagħha imma li wieħed irid jammiraha għall-kuraġġ u l-ġenwinità tagħha favur l-elettorat tan-nofsinhar ta' Malta.

Il-qżież ta' Muscat nhar it-Tlieta spikka aktar
U għalhekk il-qżież – ma tistax issejjaħlu mod ieħor – ta' Muscat ma' dawk stess li vvutawlu, nhar it-Tlieta spikka saħansitra aktar. Għax quddiem kwistjoni li qala' hu stess kontra dak li qal qabel l-elezzjoni, il-minimu kien li Muscat jitkellem, u li mhux biss jitkellem, imma wkoll jirraġuna mal-elettorat stess li tellgħu.

Lanqas il-minimu li jitkellem, aħseb u ara li jirraġuna
Imma lanqas il-minimu. Bħal tal-ġuri tal-Kap tal-Oppożizzjoni din, Muscat l-ewwel qala' l-każ, imbagħad mar jara partita futbol, u lanqas biss tella' xhud wieħed biex jirfed il-każ tiegħu. U issa qala' tanker kbir li se jkun ankrat b'sogru permanenti għall-power station u għan-nies li se jkun eżatt ħdejhom – u Muscat siket, bi qżież lejn in-nies kollha tan-naħa t'isfel ta' Malta li ma kien tarrfilhom xejn qabel.

Muscat qed jaħseb li tela' waħdu… għalhekk il-qżież
Dan hu l-Prim Ministru li għandna. Muscat qed jaħseb li tela' waħdu u mhux li tellgħuh in-nies. Għalhekk ma tkellimx nhar it-Tlieta fil-Parlament fejn tellgħuh biex jirrappreżentahom. U nhar it-Tlieta din il-kwistjoni kibret proprju bil-qżież ta' Muscat. Qżież quddiem l-Oppożizzjoni li qed tagħti leħen lin-nies tan-nofsinhar ta' Malta. Qżież ta' Muscat quddiem id-Deputata tiegħu stess Marlene Farrugia. U qżież ta' Muscat mal-elettorat kollu u speċjalment ma' dawk stess li vvutawlu. Qżież.