Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fis-Summit tal-PPE

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil se jkun qed jieħu sehem f’Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li se jsir fi Brussell. Is-Summit se jsir bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, mifruxa fuq dawn il-jumejn. Il-PPE hu l-akbar u l-aktar partit politiku nfluwenti fil-Parlament Ewropew, b’politika ċentru-leminija u bi 73 partit membru minn 39 pajjiż differenti.

Il-PPE jinkludi wkoll lill-President attwali tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Matul is-Summit, li għalih se jattendu bosta mill-Mexxejja tal-PPE, se tkun diskussa l-pożizzjoni tal-PPE fis-Summit tal-UE, li se jibda llejla stess u li se jitratta temi bħall-kompettitività, il-bidla fil-klima u l-enerġija. Se jitkellmu wkoll dwar is-Summit li se jkun qed jiġi organizzat bejn l-UE u l-Afrika, kif ukoll il-pożizzjoni tal-UE fuq il-kriżi tal-Ukrajna.

Għal-laqgħa tal-PPE se jkun preżenti wkoll l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean-Claude Juncker, li ntgħażel bħala l-kandidat tal-PPE għall-kariga ta’ President ġdid tal-Kummissjoni Ewropea wara li jintemm il-mandat ta’ José Manuel Barroso.