Qorti

Il-Maġistrat Peralta ċanfar Direttur ta’ kumpanija talli ma deherx il-Qorti

Il-Maġistrat Carol Peralta ċanfar bil-qawwa kollha d-Direttur ta’ Dolphin Services Limited, Daniel Farrugia wara li nhar it-Tlieta li għaddha m’attendiex għas-seduta fil-Qorti, minkejja li kien avżat. Farrugia, kien imħarrek biex jidher il-Qorti wara li għadd ta’ eks-ħaddiema tiegħu bdew proċeduri kontrih fil-Qorti għax ma kienux tħallsu tax-xogħol li għamlu.

L-Avukat Joseph Arrigo li deher għal Farrugia skuża ruħu għall-fatt li l-klijent tiegħu ma deherx għas-seduta ta’ nhar it-Tlieta li għaddiet. Qal li Farrugia ma deherx minħabba nuqqas ta’ ftehim (“misunderstanding”) li kien hemm bejniethom.  Minkejja dan il-Maġistrat Carol Peralta ċanfar lil Farrugia u qal li jekk dan kien avżat kellu jattendi għas-seduta.

Qal li sa’ issa mexa sew kemm setgħa ma’ Farrugia, u li qed jagħmel hekk għax jaħseb li jekk nimxi sew miegħu, il-ħaddiema aktar għandhom ċans li jitħallsu.
“Imma li ma tiġix mhux sew. L-eks-ħaddiema kienu kollha preżenti hawn. Din mhix kwistjoni ta’ ‘misunderstanding” qal l-Maġistrat Peralta lil Farrugia.

Kompla jgħid li “ma nistgħux noqogdu lura milli nħallsu lin-nies tax-xogħol li għamlu. Int mhux qed tagħmlilhom l-ebda pjaċir, u dan għalija huwa forma ta’ prekarjat.” kompla jgħid il-Maġistrat Peralta.

Farrugia minn naħa tiegħu qal li huwa qatt ma ċaħad ċenteżmu dovut lil xi ħadd. Kompla jgħid li huwa se jagħti dak kollu dovut lil dawn il-ħaddiema, u mhux se jagħmel kif qalulu, dik li jillikwida l-kumpanija.

Hawn hekk intervjena wieħed mill-eks-ħaddiema tiegħu li staqsa kif Farrugia ma ħallashomx mis-somma li ħa mill-ishma ta’ lukanda li tlaħħaq il-€250,000. Iżda Farrugia qal li kien hemm sekwestru fil-konfront tiegħu u għalhekk ma jistax iħallas minnhom.

Min-naħa tiegħu l-Maġistrat staqsa lill-eks-ħaddiema jekk iridux li jieħdu passi kontra Farrugia. Tnejn minnhom wieġbu iva u indikaw is-somma li għandhom jieħdu. Madankollu Farrugia ikkontesta s-somma li semmew dawn it-tnejn, u għalhekk il-każ se jkompli jinstema.