Lokali

Il-midja ma titħalliex tagħmel mistoqsijiet

Il-Kunsill Konsultattiv tan-Nofsinhar ta’ Malta mmexxi mid-deputat Laburista Silvio Parnis ltaqa’ l-Ħamis wara nofsinhar biex jiddiskuti dawk li ġew deskritti bħala proġetti għall-ġid tar-residenti fin-nofsinhar tal-pajjiż.

Imma għalkemm il-ġurnalisti tħallew jidħlu għall-ewwel ftit minuti tal-laqgħa fuq talba li għamlet MaltaRightNow, għax is-soltu l-laqgħat ikunu magħluqin għall-media – xorta ma tħallewx jagħmlu mistoqsijiet.

Il-Kunsill kellu 3 punti għad-diskussjoni fuq l-aġenda, bl-aktar wieħed sinjifikanti kienet id-diskussjoni dwar il-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsalxokk.

Din il-kwistjoni tpoġġiet fuq l-aġenda mir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta Charlot Cassar. Dan biex il-Kunsill ikun konsultat u infurmat bid-dettalji ta’ dan il-pjan qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-MEPA nhar it-Tnejn.

Matul il-laqgħa, ġew trattati numru ta’ proġetti prospettivi li l-Kumitat għandu jressaq lill-Gvern għall-ġid taż-żona f’Malta. MaltaRightNow xtaq jagħmel mistoqsijiet dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill fuq it-tanker bil-ħażna tal-gass, imma ma tħalliex jagħmel domandi miċ-Chairman tal-Kumitat.