Lokali Qorti

Filmat: Imressqa Ittra Ġudizzjarja Uffiċjali kontra l-MEPA dwar il-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk

Wara talba li saret mir-residenti ta’ Marsaxlokk, is-Segretarju tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd Ray Bugeja u l-mara tiegħu Gabriele ippreżentaw Ittra Ufficjali fil-Qorti, li fiha talbu lill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex it-Tnejn ma tieħux deċiżjoni dwar il-vapur tal-LNG li l-Gvern irid jankra fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. Jekk dan mhux possibbli, għallinqas tipposponi il-laqgħa ladarba ma sarx studju dwar l-impatt marittimu.

L-Ittra Ġudizzjarja, indirizzata liċ-Chairman tal-MEPA Vincent Cassar u l-Kap Ezekuttiv Johann Buttigieg, hi bbażata biss fuq is-sigurtà tar-residenti. Fi kliem Ray Bugeja, hu obbligu tal-Gvern u kif mitlub mil-Liġi, li jsir l-istudju dwar l-Impatt Marittimu, għalkemm dan ma sarx. Il-Bord tal-MEPA ma jista’ qatt jieħu deċiżjoni mingħajr studju bħal dan, sostna Ray Bugeja.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti, Ray Bugeja spjega r-raġuni għalfejn ħass li kellu jieħu dan il-pass fil-Qorti. Dak li m’għamilx il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, ħassejna d-dmir li nagħmluh aħna, sostna Ray Bugeja. Hu kien akkumpanjat minn martu u l-avukat tiegħu, l-espert marittimu Ann Fenech. Mal-ġurnalisti, Ray Bugeja qal li fl-aħħar ġimgħat, kellmuh bosta residenti, ħafna minnhom minn Marsaxlokk u li mhumiex biss sajjieda, li ħassew li f’din il-kwistjoni l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk mhux jaġixxi favur ir-residenti.

Ray Bugeja qal li x-Xlukkajri jinsabu ddispjaċuti u mweġġa’ għax kienu mwegħda ħaġa u issa qed tingħatalhom ħaġa oħra. Fl-Ittra Ġudizzjarja, Ray Bugeja u l-mara tiegħu qalu li huma mħassba bil-pjan li din il-ħażna kbira ta’ 140,000 metru kubu LNG tinħażen fuq bastiment fil-Bajja mdawra bid-djar u n-negozji. Huma fakkru li f’laqgħa pubblika ta’ konsultazzjoni, il-MEPA wegħdet li se jkun qed isir dan il-Maritime Impact Assessment, iżda ma sarx. L-Ittra Uffiċjali tagħmel referenza wkoll għar-rapport preliminari tal-espert George Papadakis, li jeskludi ċirkostanzi mportanti.

Għalhekk, sostniet il-koppja Bugeja, il-MEPA ma tistax tkompli tikkunsidra din l-applikazzjoni qabel ma’ Papadakis jagħti l-opinjoni esperta tiegħu. Huma spjegaw kif ma jeżisti l-ebda dubju li r-riskji jkunu ferm anqas li kieku t-tanker ikun ankrat barra l-Bajja ta’ Marsaxlokk u mhux ġewwa.