Lokali

Is-Sindku Laburista ta' Marsaxlokk aġevolat

Is-Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk Edric Micallef ingħata promozzjoni fi Transport Malta u issa tpoġġa fil-kariga ta’ Senior Manager (Operations) fit-Taqsima tat-Toroq. Din il-promozzjoni qed issir f’perjodu li l-Kunsill Laburista ta’ Marsaxlokk, immexxi propju mis-Sindku Edric Micallef, qed jiffaċċja pressjoni fl-opinjoni pubblika biex jappoġġja lir-residenti ta’ Marasxlokk u joġġezzjona għall-pjani tal-Gvern li jankra tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Fl-aħħar ġimgħat, is-Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk u l-Kunsill Lokali komplew jiffaċċjaw il-pressjoni tar-residenti li qed isostnu li huma kienu ngannati mill-Partit Laburista għax qatt qabel l-elezzjoni ma kien intqalilhom li jekk jitla’ l-Partit Laburista fil-Gvern kien se jankra tanker ta’ 300 metru bil-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk. F’diversi intervisti li ta qabel ingħata din il-kariga, is-Sindku ta’ Marsaxlokk iddikjara li l-Kunsill ta’ Marsaxlokk jippreferi li t-tanker ikun ankrat barra l-Port ta’ Marsaxlokk biex b’hekk ikunu evitati r-riskji għar-residenti.

Fi Frar li għadda, is-Sindku Laburista ta’ Maraxlokk kien sostna wkoll li l-Kunsill u r-residenti ma jħossuhomx konfortati mid-dikjarazzjoni li r-riskji ta’ splużjoni huma biss ta’ darba kull 10,000 sena għax ħadd ma jaf meta dik id-darba tista’ sseħħ. Is-Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk kien iddikjara li ħadd ma jaf jekk din il-ġurnata tistax tkun għada.

Il-kariga ġdida li ngħata s-Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk ma kinitx l-unika waħda li ngħatat fl-aħħar ġimgħat u tifforma parti minn dik li tidher strateġija biex nies viċin il-Partit Laburista jitpoġġew f’karigi mportanti fi Transport Malta. Dawn il-karigi ngħataw wara sejħa nterna li ħarġet Transport Malta u li fost il-kundizzjonijiet li kien hemm tpoġġiet waħda li tispeċifika li għal ċertu karigi hi meħtieġa esperjenza ta’ 15-il sena fis-settur.

Din il-kundizzjoni straordinarja, li rari titpoġġa bħala kundizzjoni f’sejħiet interni, tindika ċar li dawn il-karigi kienu diġà destinati għal persuni partikolari. Fost promozzjonijiet oħra li ngħataw hemm dik ta’ Brian Farrugia, li hu qarib tal-Ministru Joe Mizzi u li issa se jokkupa l-kariga ta’ Senior Manager (Vechile Licensing), u ta’ Silvana Bartolo, li hi qariba ta’ Joe Sammut u li issa se tkun appuntata fil-kariga ta’ Senior Manager (Drive and Passanger Operator Licensing).

Flimkien ma’ dawn il-karigi, il-Perit Antoinette Conti, li kienet taħdem mal-eks Ministru Laburista Charles Buhagiar, inħatret Senior Manager (Special Projects) fid-Direttorat tat-Toroq.