Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum ħa sehem f’Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell. Dan is-Summit sar bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, mifruxa fuq dawn il-jumejn. Fi Brussell, Simon Busuttil kellu wkoll laqgħa mal-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel.
Minbarra Simon Busuttil u Angela Merkel, għas-Summit attendew ukoll l-ogħla uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy. Preżenti wkoll diversi Prim Ministri Ewropej, kif ukoll mexxejja ta’ partiti politiċi li membri fil-PPE, li hu l-akbar partit politiku fl-UE.
Fis-Summit ġiet diskussa s-sitwazzjoni fl-Ukrajna u ġiet determinata l-pożizzjoni li se jieħu l-PPE fis-Summit dwar dan is-suġġett. Temi oħra diskussi kienu l-kompetittività, il-bidla fil-klima u l-enerġija. Ma setax jonqos li għal dan is-Summit jattendi wkoll Jean Claude Juncker, li aktar kmieni dan ix-xahar ġie magħżul bħala l-kandidat tal-PPE għall-kariga ta’ President ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>