“Ir-reazzjoni li wettqu l-players wara t-telfa kontra Liverpool kienet waħda mill-aqwa. Kellna nirbħu biex nagħtu lura xi ħaġa lill-partitarji li baqgħu jagħtuna l-appoġġ, anke jekk l-affarijiet dan l-istaġun ma tantx marru tajjeb.”
Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-manager ta’ Machester United David Moyes wara li r-Red Devils rebħu 3-0 fit-tieni leg tal-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League kontra Olympiakos. Man Utd kienu tilfu l-ewwel leg 2-0 fil-Greċja u kellhom bżonn xi ħaġa speċjali biex jeliminaw lit-tim Grieg li fit-12-il darba li lagħab fl-Ingilterra dejjem ħareġ fuq in-naħa telliefa. L-eroj tas-serata kien l-attakkant Robin Van Persie li skurja t-tliet gowls. Player ieħor li spikka fis-serata f’Old Trafford kien il-veteran Ryan Giggs.
“Nhar it-Tnejn fil-għodu wara t-telfa kontra Liverpool tlabt lill-players biex jagħmlu dak kollu possibbli biex mhux biss jisfurzaw il-logħba għal ħin barrani imma biex nirbħu 3-0 biex nagħtu lura xi ħaġa lill-partaitrji li tant kienu paċenzjużi magħan f’dan l-istaġun. Bla dubju kien ħaqna nirbħu. La darba għaddejna rridu nibqgħu navanzaw, anke jekk nafu li se tkun diffiċli għax is-seba’ timijiet li fadal kollha huma timiet tal-ogħla livell,” qal Moyes.
Dwar Ryan Giggs Moyes qal li kull meta jarah fl-azzjoni dejjem jibqa’ impressjonat bil-mod li bih imexxi lit-tim.
Moyes temm billi tkellem ukoll dwar l-ispekulazzjonijiet li kien hemm tul dan l-aħħar jiem fejn ħafna sostnew li membri tal-bord ta’ Man Utd bdew jiddiskutu l-futur tal-manager minħabba r-riżultati negattivi li beda jiksb il-klabb. “Jien mhux qed inħossni taħt pressjoni. Naf li għandi biċċa xogħol iebsa biex inmexxi lil dan il-klabb, għalkemm nammeti li meta ħadt post Alex Ferguson ħsibt li kienet se tkun aktar faċli. Jekk it-tim jilgħab kif kapaċi jilgħab ma narax għalfejn m’għandniex nittamaw li nirbħu din it-tazza.”
Minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Olympiakos Michel qal li meta wieħed iaħres lejn ir-riżultat jaħseb li Utd iddominaw mill-bidu sal-aħħar imma dan ma kienx il-każ u qal li l-goalkeeper ta’ Man Utd David de Gea, f’xi ħinijiet għamel saves kbar u żamm lill-Ingliżi fil-logħba.
‘Kien ħaqqna ngħaddu’
Minkejja li tilfu 2-1 f’darhom kontra Zenit St Petersburg, il-kowċ ta’ Borussia Dortmund Jurgen Klopp qal li t-tim tiegħu kien ħaqqu jgħaddi għall-fażi li jmiss. Dortmund kienu rebħu 4-2 fir-Russja u bit-telfa ta’ 2-1 f’darhom għaddew b’aggregate ta’ 5-4.
“Lagħbna kontra tim li kapaċi jikkawża problemi lil kulħadd. Nammetti li fil-bidu batejn xi ftit u ma użajniex l-esperjenza li għandna f’din il-kompetizzjoni. Wara li qlajna l-ewwel gowl il-players kienu ftit nervużi imma meta ġibna d-draw konna aktar komdi. Minkejja t-telfa, xorta kien ħaqqna ngħaddu għax il-players lagħbu bi grinta kbira fiż-żewġ legs. Issa jmissna nilagħbu mal-aqwa tal-Ewropa,” qal Klopp.
Sergei Semak, il-kowċ temporanju ta’ Zenit li hu mistenni jċedi postu għal Andres Villas Boas qal li d-dispjaċir tiegħu kien li fl-ewwel leg fir-Russja l-players tilfu l-konċentrazzjoni u pattew qares għalih fit-tieni leg.
//= $special ?>
