L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem dwar l-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, ressqet Mozzjoni fil-Parlament biex ikun revokat l-Avviż Legali bir-Regolamenti tal-Individual Investor Programme, jew l-iskema tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza. Il-mozzjoni titlob lill-Kamra tar-Rappreżentanti tirriżolvi u tiddeċiedi li l-Avviż Legali jkun revokat, annullat u dikjarat bla ebda effetti fil-Liġi għax imur kontra l-interess nazzjonali.
Il-Mozzjoni tfakkar li r-Regolamenti suppost jirriflettu l-ftehim li l-Gvern kien obbligat jaċċetta mal-Kummissjoni Ewropea u li l-qofol tiegħu hu l-obbligu tal-Gvern li jdaħħal perjodu effettiv ta’ residenza ta’ 12-il xahar qabel il-ksib taċ-Ċittadinanza. Madankollu, l-Avviż Legali ma jsemmix li l-perjodu ta’ residenza ta’ 12-il xahar irid ikun effettiv u lanqas ma jipprovdi definizzjoni ta’ xi provi l-Gvern Malti jkun lest jaċċetta biex applikant juri li jkun għex f’Malta għal 12-il xahar.
Il-Mozzjoni tfakkar ukoll li l-Avviż Legali jeskludi l-obbligu ta’ residenza effettiva għal dipendenti tal-applikant kontra dak miftiehem mal-Kummissjoni Ewropea. Tfakkar ukoll li l-Avviż Legali 47 tal-2014, li tpoġġa fuq il-Medja tal-Kamra fl-4 ta’ Frar, jeskludi li l-lista ta’ ismijiet ta’ dawk li jingħataw iċ-Ċittadinanza b’din l-iskema tiġi ppubblikata b’mod separat mill-oħrajn. Jeskludi wkoll li jingħataw dettalji ta’ oriġini u indirizz f’Malta ta’ dawk li jakkwistaw iċ-Ċittadinanza Maltija taħt din l-iskema, kif ukoll li l-konċessjonarju ma jistax ikun l-istess bħal min iħaddem l-iskema, għall-kuntrarju ta’ dak li wiegħed il-Prim Ministru.
Fit-3 ta Marzu li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni kien kiteb lill-Prim Ministru u elenkalu bidliet li għandhom isiru f’diversi klawsoli tal-Avviż Legali u talbu jressaq Avviż Legali b’dawn l-emendi. Iżda l-ittra mibgħuta lil Muscat baqghet s’issa bla tweġiba. Għalhekk, tgħid il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni, għal dawn ir-raġunijiet u oħrajn li kien hemm f’dik l-ittra, li kopja tagħha kienet mehmuża mal-Mozzjoni, l-Avviż Legali għandu jkun revokat għax imur kontra l-interess nazzjonali.
//= $special ?>