Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum jagħlaq 45 sena. Hu twieled fl-1969 f’Ħ’Attard u gradwa bħala Avukat fl-1993 mill-Università ta’ Malta meta kellu 24 sena. Fis-snin tiegħu fl-Università, kien attiv ħafna fl-għaqda tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM), fejn għamel ħames snin membru, b’sentejn minnhom bħala President.
Fis-sentejn wara li ggradwa, kiseb il-Masters fl-Istudji Ewropej u fil-Liġi Internazzjonali minn Università fl-Ingilterra u l-Universita’ ta’ Malta. Beda jipprattika bħala avukat fl-1995 u permezz tal-ispeċjalizzazjoni tiegħu ta sehem attiv fil-proċess biex Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea, anke permezz ta’ lectures u artikli dwar dan is-suġġett.
Jiddeskrivi l-mument li fih Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea bħala wieħed ta’ ferħ kbir. Fl-istess sena kkontesta b’suċċess l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, kif għamel ukoll fl-2009, fejn kien elett b’total ta’ ftit anqas minn 70,000 vot, jiġifieri kważi terz tal-voti kollha tal-elettorat Malti.
Busuttil jgħid li llum jinsab fil-politika minħabba fl-Ewropa u mhux bil-maqlub. Bla dubju li l-esperjenza tiegħu fil-Parlament Ewropew iffurmatu għall-politiku tal-lum, esperjenza ta’ ħidma li fl-2012 saħansitra rebħitu l-premju ta’ Membru Parlamentari Ewropew tas-Sena.
Fl-2012, Simon Busuttil sar Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara Tonio Borg. F’Marzu 2013 kien elett bħala Deputat Malti u f’Mejju ta’ wara kien elett Kap tal-Partit wara l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
//= $special ?>
