Internazzjonali

Tamiet ta’ żblokk fost l-investigazzjonijiet

L-Awstralja qed tinvestiga żewġ oġġetti li nqabdu fuq ritratti meħudin mis-satellita, fost tamiet li l-oġġetti għandhom konnessjoni konkreta mal-ajruplan tal-passiġġieri ta’ Malaysia Airlines li sparixxa fit-8 ta’ Marzu waqt vjaġġ minn Kuala Lumpur (fil-Malasja) lejn Beijing, fiċ-Ċina.
L-aħħar rapporti qalu li vapur min-Norveġja ssieħeb fit-tfittxija intensiva li qed issir ġo zona ta’ baħar, xi 2,500 kilometru ‘l barra minn Perth, u fejn kienu qed jieħdu sehem ukoll ajruplani mill-Awstralja, New Zealand u l-Istati Uniti.
It-tfittxija waqfet, temporanjament, mal-inżul tax-xemx, bl-iskwadri involuti jtennu li l-maltemp kien qed ifixel l-isforzi tagħhom.
L-ajruplan inkwistjoni – jew kif inhu magħruf aħjar ‘Titjira MH370’ –  kien qed iġorr 239 persuna meta temm kull kuntatt mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u bl-ajruplan ma jidhirx aktar.
Intant, feġġew it-tamiet ġodda dwar żblokk potenzjali, bil-Ministru Malasjan tat-Trasport, Hishammuddin Hussein, jirreferi ‘għall-possibbilta li ntlemħu biċċiet tal-ajruplan grazzi għas-satellita’ u fost ċirkostanzi ‘li qed jidhru kredibbli’.
Madankollu – u filwaqt li l-awtoritajiet qalu li l-akbar fost iż-żewġ oġġetti jidher li fih madwar 24 metru – huma wissew ukoll dwar il-possibbilta li l-oġġett inkwistjoni ‘ma għandu xejn x’jaqsam’ mal-ajruplan nieqes, li hu tat-tip Boeing 777.
Din mhix l-ewwel darba li ntlemħu ‘l-partijiet potenzjali tal-ajruplan’ tul l-aħħar jiem tat-tfittxija u fejn l-istess ‘partijiet’ qatt ma kienu kkonfermati bħala relattati għall-misteru.
Il-Prim Ministru Awstraljan, Tony Abbott, qal li l-aħħar ‘sejba’ tibbaża fuq ir-ritratti mehuda mis-satellita u li jmorru lura għas-16 ta’ Marzu. Dan wara li l-Awtorita Awstraljana għas-Sigurta Marittima (Amsa) irċeviet l-informazzjoni speċifika, u meta ‘qed tkun ikkunsidrata kull possibbilta’ waqt analiżi speċjalizzata.
Kelliema għal Amsa qalu li t-tfittxija għandha tkompli llum u wara li kien qam maltemp qawwi fiz-zona indikata, fost l-ibħra slavaġ u l-irwiefen kontinwi u veloċi.
Mifhum li ‘l quddiem se jissieħbu fit-tfittxija HMAS Success, vapur tal-qawwiet tal-baħar Awstraljani< bir-Renju Unit qed jibgħat HMS Echo, vapur għall-moniteraġġ tal-kosta u li se jappoġġja lill-opri tal-baħar l-oħra.
L-osservaturi qalu li filwaqt li ‘l-oġġetti li nqabdu mis-satellita’ jidhru bħala l-aħjar indikazzjoni li kellhom waqt it-tfittxija għall-ajruplan, wieħed irid ‘jasal fil-post, isib il-biċċiet u jevalwahom’, għaliex b’hekk biss jistgħu jaċċertaw jekk dan hux żblokk sinifikanti jew le.
Fil-fatt, l-Awstralja infurmat lill-awtoritajiet Malasjani dwar l-aħħar żviluppi proprju lbieraħ filgħodu, u bl-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi jaqblu li għad jonqos għall-‘verifika u l-konferma uffiċjali’.
Sadanittant, il-qraba tal-239 persuna li sparixxew flimkien mal-Boeing għadhom qed jistennew l-aħbar konkreta ta’ x’għadda ‘tassew’ mill-għeżież tagħhom. Dan waqt li s-sentimenti tan-nies qed jaqilbu ‘mit-tama għan-niket’ u fejn ma tonqosx l-element tar-rabja talli huma spiċċaw kostretti jbatu ‘t-tortura mentali’.