Qorti

Tnejn miżmuma l-ħabs wara li ġew akkużati fuq assoċjazzjoni ta’ 10kg kannabis

Żewġt irġiel inżammu l-ħabs wara li ġew mixlija li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra bl-intenzjoni li jittraffikaw 10kg reżina tal-kannabis. Brian Fenech ta’ 39 sena u Elgio Zerafa ta’ 45 sena, it-tnejn minn Marsaxlokk, ma ngħatawx il-libertà proviżorja mill-Maġistrat Marsanne Farrugia.

L-irġiel ġew akkużati li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra bl-intenzjoni li jitraffikaw 10kg reżina tal-kannabis tmien snin ilu.

Fil-Qorti, l-Ispettur Pierre Grech qal li l-Pulizija rċeviet informazzjoni ġdida dwar deal ta’ droga li kienet seħħet fit-3 ta’ Mejju 2006. Fenech ġie mixli wkoll li sar reċidiv u li kkommetta reat waqt it-termini ta’ sentenza sospiża.

Id-Difiża qalet li l-Prosekuzzjoni qatt ma kellha tressaq lill-akkużati b’arrest quddiem il-Qorti fuq dak li allegatament seħħ tmien snin ilu. Id-Difiża talbet ukoll għal-libertà proviżorja, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li jekk dan isir, jista’ jkun li jkun hemm kontaminazzjoni tax-xhieda.

Min-naħa tiegħu, l-avukat li deher għal Eligio Zerafa, qal li l-Prosekuzzjoni messha ressqet ukoll ix-xhieda mportanti u relevanti dwar il-każ. B’hekk kienet teħles mill-biża’ tal-kontaminazzjoni.

Il-Qorti qablet mal-Prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għal-liberta’ proviżorja. L-irġiel tressqu mill-Ispettur Pierre Grech.