Tony Maiello se jkun il-mistieden speċjali fis-serata finali ta’ Sanremo Junior Malta li se ssir nhar is-Sibt 5 ta’ April. Bi produzzjoni eżekuttiva ta’ Antonella Vassalli, il-finali se tkun preżentata minn Lara Cuschieri u Jean Paul Carbonaro.
Tony Maiello beda l-karriera tiegħu fl-2008 permezz tat-talent show ‘X-Factor’ fuq Rai Due.
Fl-2010 hu rebaħ il-kategorija ‘Nuove Proposte’ fis-60 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo u wara ħareġ l-album debutt tiegħu.
F’Malta Maiello se jkun qiegħed jinterpreta xi wħud mill-kanzunetti tiegħu fosthom ukoll dwett mal-kantanta żagħżugħa Brooke. Infatti kien fl-2010 li Maiello u t-tfajla Maltija kienu rrikordjaw is-silta Echo li ġiet ukoll inkluża fl-album tiegħu.
Ritratt: Tony Maiello
Minbarra Tony Maiello u Brooke, fis-serata se jkun hemm bħala mistiedna Gaia Cauchi (ir-rebbieħa ta’ Sanremo Junior 2012) u Ilenia Camilleri (ir-rebbieħa ta’ Sanremo Junior 2013). Mistiedna wkoll iż-żeffiena tal-ArtsExcel li ġejjin mill-iskola St. Michael.
26 kanzunetta ġew magħżula fil-kategorija tal-kantanti waqt li sitt mużiċisti se jkunu qed jikkompetu fis-sezzjoni tal-mużiċisti.
Ir-rebbieħa miż-żewġ kategoriji se jkunu qed jieħdu sehem fil-finali ta’ Sanremo Junior ġewwa l-Italja f’Mejju li ġej.
Il-kategoriji fis-serata finali tal-5 ta’ April huma kif ġej:
Kategorija A – minn 6 sa 9 snin: 2 parteċipanti
Kategorija B – minn 10 sa 12-il sena: 12-il parteċipant
Kategorija C – minn 13 sa 15-il sena: 11-il parteċipant
Kategoriji tal-mużiċisti: Minn 6 sa’ 15-il sena: 6 partecipanti.
Ir-rebbieħa se jkunu qed jipparteċipaw fis-serata finali ta’ Sanremo Junior li se ssir ġewwa t-Teatru Ariston fl-Italja f’Mejju li ġej. Din se tkun il-ħames edizzjoni ta’ dan il-festival organizzat minn Kismet International bil-kollaborazzjoni tal-Unicef.
Il-festival hu miftuħ għal tfal bejn is-6 u l-15–il sena u l-iskop tiegħu hu li jgħaqqad tfal minn pajjiżi u kulturi differenti biex jesponu t-talenti tagħhom taħt l-istess saqaf.
Għal aktar dettalji wieħed jista’ jidħol fis-sit www.mcc.com.mt jew inkella jċempel fuq 77221003.
//= $special ?>

